Il-Prim Ministru Robert Abela mistenni jsejjaħ lid-deputati Laburisti f’Kastilja hekk kif jibda uffiċjalment il-proċess biex jifforma l-Kabinett tal-Ministri għall-leġiżlatura l-ġdida.
Wara li l-Partit Laburista kiseb rebħa komda fl-elezzjoni ġenerali tal-Ħadd, Abela issa għandu quddiemu wieħed mill-aktar passaggi importanti wara elezzjoni: l-għażla tal-ministri u s-segretarji parlamentari li se jmexxu l-pajjiż fil-ħames snin li ġejjin.
Għalkemm il-kompożizzjoni finali tal-Kabinett għadha mhix magħrufa, id-diskussjonijiet huma mistennija jiffokaw fuq it-tqassim tal-portafolli ewlenin, bidliet possibbli fir-responsabbiltajiet ministerjali u l-introduzzjoni ta’ uċuħ ġodda fit-tim governattiv.
Il-formazzjoni tal-Kabinett qed issir qabel ma jitlestew l-elezzjonijiet każwali u qabel ma jiġu allokati s-siġġijiet addizzjonali permezz tal-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru.
Dan ifisser li ċerti karigi ministerjali jew ta’ segretarji parlamentari jistgħu jibqgħu vakanti temporanjament sakemm il-kompożizzjoni sħiħa tal-Parlament tkun finalizzata u d-deputati kollha jiġu formalment eletti u maħlufa.
L-attenzjoni politika issa qed iddur fuq id-deċiżjonijiet li se jieħu Abela dwar min se jżomm il-karigi ewlenin fil-gvern u jekk hux se jkun hemm bidliet sostanzjali fit-tim li mexxa lill-pajjiż matul l-aħħar leġiżlatura.
Aktar dettalji dwar il-kompożizzjoni tal-Kabinett il-ġdid huma mistennija joħorġu fil-ħin li ġej.