ARA | Żewġ persuni jweġġgħu ħafif wara splużjoni qawwija fil-kamra tan-nar ta’ Ta’ Lourdes fil-Magħtab

Żewġ irġiel ittieħdu l-Isptar Mater Dei bi ġrieħi ħfief wara splużjoni qawwija li seħħet kmieni t-Tnejn filgħodu fil-fabbrika tan-nar Ta’ Lourdes fil-Magħtab

Żewġ persuni sofrew ġrieħi ħfief wara splużjoni qawwija li seħħet għall-ħabta tas-6:30am fil-fabbrika tan-nar Ta’ Lourdes fiż-żona tal-Magħtab.

Il-Pulizija kkonfermat li żewġ irġiel, ta’ 67 u 47 sena, it-tnejn residenti San Pawl il-Baħar, kienu f’għelieqi fil-viċinanzi tal-fabbrika meta seħħet l-isplużjoni. Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, flimkien ma’ persuni oħra li sofrew xokk kawża tal-inċident.

Aktar tard, il-vittmi ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief.

Il-Pulizija spjegat ukoll li fil-ħin tal-isplużjoni ma kien hemm l-ebda wieħed mill-ħaddiema liċenzjati tal-fabbrika fuq il-post.

L-isplużjoni, li oriġinat fil-kumpless li jinsab fi Triq tal-Qagħdi, instemgħet minn diversi lokalitajiet madwar Malta u kienet tant qawwija li ħawdet bini u kissret twieqi f’numru ta’ żoni.

Residenti minn diversi lokalitajiet irrappurtaw li semgħu l-isplużjoni minn kilometri ’l bogħod, filwaqt li oħrajn qalu li ħassew il-mewġa tal-pressjoni li ġġenerat.

Xhud li kien qed idur il-klieb tiegħu f’Kennedy Grove qal li inizjalment ħaseb li sploda ċilindru tal-gass. Madankollu, ftit minuti wara sema’ aktar splużjonijiet waħda wara l-oħra.

Skont ix-xhud, il-qawwa tal-isplużjoni kienet tant kbira li ħass il-mewġa tal-pressjoni fuq ġismu, filwaqt li s-siġar fiż-żona ċċaqalqu u l-klieb li kien qed jakkumpanja daħlu f’paniku.

Fuq il-post intbagħtu immedjatament il-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi Armati ta’ Malta u timijiet mediċi biex jassiguraw iż-żona u jassistu fejn meħtieġ.

L-awtoritajiet appellaw lill-pubbliku biex jevita ż-żona sakemm jitlestew il-verifiki ta’ sigurtà.

Il-Maġistrat Joe Mifsud inħatar biex imexxi inkjesta dwar il-każ filwaqt li l-Pulizija qed tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha biex tistabbilixxi l-kawża tal-isplużjoni.

Sadanittant, numru ta’ mexxejja politiċi rreaġixxew għall-inċident.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li ħsibijietu huma mal-persuni affettwati u sostna li l-awtoritajiet intervjenew minnufih biex jassistu fuq il-post.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg irringrazzja lill-membri tas-servizzi ta’ emerġenza li qed jaħdmu fiż-żona tas-Salini u ddeskriva l-isplużjoni bħala waħda li ħasdet lill-pajjiż kollu.

Min-naħa tagħha, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li kienet ixxukkjata bl-aħbar u esprimiet solidarjetà mar-residenti u dawk kollha affettwati, filwaqt li rringrazzjat lill-membri tal-Protezzjoni Ċivili u lill-ħaddiema kollha involuti fl-operazzjoni ta’ emerġenza.

More in Elezzjoni 2026