Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg wasal fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti fin-Naxxar fejn intlaqa’ minn atmosfera ta’ entużjażmu fost il-partitarji u l-aġenti tal-partit preżenti fis-sala.
Malli daħal fiċ-ċentru, Borg sellem lill-ġurnalisti, lill-aġenti elettorali u lis-supporters li kienu qed isegwu mill-qrib il-proċess tal-għadd. Ġewwa s-sala, il-wasla tiegħu kienet milqugħa b’ħsejjes ta’ tħabbat fuq il-panelli tal-perspex u għajjat ta’ appoġġ minn dawk preżenti.
F’kummenti lill-midja, Borg sostna li l-Partit Nazzjonalista għamel passi ’l quddiem f’kważi kull distrett elettorali u żied l-appoġġ tiegħu meta mqabbel mal-aħħar elezzjoni.
Huwa qal li, minkejja d-differenzi politiċi li jeżistu bejn il-partiti, il-ġid tal-pajjiż għandu dejjem jiġi qabel kull interess ieħor.
Borg esprima l-apprezzament tiegħu lejn il-votanti, il-kandidati, il-voluntiera u dawk kollha li taw sehemhom matul il-kampanja elettorali, filwaqt li qal li l-appoġġ li rċieva l-partit juri li hemm aktar nies li qed jemmnu fil-proġett politiku tiegħu.
Huwa sostna li r-riżultat jindika tnaqqis sostanzjali fid-distakk bejn iż-żewġ partiti ewlenin u qal li l-Partit Nazzjonalista rnexxielu jikseb aktar appoġġ f’perjodu qasir ta’ żmien.
Skont Borg, il-prestazzjoni tal-partit turi li hemm sinjali pożittivi għall-futur u li aktar Maltin u Għawdxin qed juru fiduċja fil-viżjoni li qed joffri l-PN.
F’messaġġ dirett lill-partitarji tiegħu, huwa qal li ħadd m’għandu jiddispjaċih jew jistħi talli emmen fil-bidla, filwaqt li ddeskriva l-kampanja tal-2026 bħala mument importanti fit-tiġdid tal-partit.
Borg appella wkoll lil dawk li ma vvutawx lill-Partit Nazzjonalista, u qal li l-partit se jkompli jisma’ t-tħassib tagħhom u jaħdem biex ikun alternattiva kredibbli għall-gvern.
Meta mistoqsi dwar il-futur tiegħu fit-tmexxija tal-partit, Borg qal li se jirrispetta kull deċiżjoni li tittieħed mill-organi tal-PN, filwaqt li saħaq li l-prijorità tiegħu tibqa’ dejjem l-aħjar interess tal-partit u tal-pajjiż.
“Minn għada nibqgħu naħdmu,” sostna Borg, hekk kif temm l-indirizz tiegħu b’messaġġ ta’ għaqda u impenn lejn il-ħidma politika fil-leġiżlatura li jmiss.
Fost ir-reazzjonijiet għar-riżultat kien hemm ukoll dik tas-sieħba ta’ Alex Borg, Sarah Bajada, li fuq il-midja soċjali rriflettiet fuq l-aħħar xhur intensi tal-kampanja elettorali. Bajada qalet li kieku sena ilu xi ħadd staqsieha jekk kinux se jsibu ruħhom f’din is-sitwazzjoni, qatt ma kienet timmaġinaha. Hija rrimarkat li fi żmien inqas minn sena kienu parti minn żewġ kampanji elettorali mibnija fuq rispett u ħidma kontinwa. Għalkemm ir-riżultat ma kienx dak li xtaqu ħafna partitarji, hija sostniet li x-xogħol li sar ma marx fix-xejn u esprimiet il-kburija tagħha għal dak li rnexxielhom jiksbu. Bajada rringrazzjat lit-tim kollu li ħadem bla waqfien matul il-kampanja, lil dawk kollha li appoġġjaw lil Alex Borg, kif ukoll lill-persuni li matul dawn ix-xhur bagħtu messaġġi ta’ inkoraġġiment u kuraġġ.