Il-Prim Ministru Robert Abela wasal fis-sala tal-għadd fin-Naxxar ftit wara nofsinhar, fejn intlaqa’ minn numru kbir ta’ partitarji, aġenti tal-Partit Laburista u membri tal-midja.
Malli daħal fis-sala, Abela ġie milqugħ b’ċapċip qawwi, għajjat ta’ inkoraġġiment, hekk kif il-partitarji preżenti bdew isejħu ismu waqt li sellimhom.
Il-wasla tiegħu ġibdet ukoll l-attenzjoni tal-ġurnalisti u l-fotografi li jinsabu fis-sala tal-għadd biex isegwu l-iżviluppi marbuta mar-riżultat elettorali.
Fis-sala tal-għadd, l-atmosfera kienet waħda ta’ stennija u eċċitament hekk kif partitarji, kandidati, uffiċjali tal-partiti u rappreżentanti tal-midja qed isegwu mill-qrib il-proċess li se jwassal għar-riżultat finali tal-elezzjoni ġenerali.