Robert Abela jiddeskrivi r-riżultat bħala “rebħa għall-Maltin u l-Għawdxin kollha”

SF:
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li r-riżultat elettorali huwa rebħa għall-pajjiż kollu, hekk kif il-Partit Laburista kiseb ir-raba’ rebħa elettorali konsekuttiva

Il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali bħala rebħa għall-Maltin u l-Għawdxin kollha, hekk kif il-Partit Laburista kiseb ir-raba’ rebħa elettorali konsekuttiva.

F’kummenti lit-TVM, Abela qal li minkejja li din kienet ir-raba’ elezzjoni konsekuttiva mirbuħa mill-Partit Laburista, il-partit xorta waħda kiseb maġġoranza komda mill-elettorat.

Huwa ddeskriva r-riżultat bħala wieħed storiku u rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi tal-fiduċja li reġa’ poġġa fil-gvern immexxi minnu.

Abela qal li l-gvern issa se jkompli bil-ħidma tiegħu biex iwettaq il-wegħdiet li saru waqt il-kampanja elettorali.

“Se nkomplu nwettqu l-programm elettorali,” sostna l-Prim Ministru.

Fl-istess ħin, huwa appella għall-għaqda nazzjonali u qal li wara kampanja elettorali wasal iż-żmien li l-pajjiż jimxi ’l quddiem flimkien.

Abela ħeġġeġ lis-supporters Laburisti biex jiċċelebraw ir-rebħa b’rispett lejn kulħadd, filwaqt li enfasizza l-importanza tal-għaqda u r-rispett bejn iċ-ċittadini.

Huwa temm billi rringrazzja lill-elettorat għall-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċess demokratiku u għas-sehem li ta matul il-ġurnata tal-votazzjoni.

More in Elezzjoni 2026