Mistenni jibda l-għadd tal-voti fid-9 ta' filgħodu

Ser nkunu qegħdin naġġornawkom matul il-ġurnata dirett miċ-ċentru tal-għadd tal-voti 

L-għadd tal-voti tal-elezzjoni ġenerali jibda uffiċjalment fid-9am tal-Ħadd fis-sala tal-għadd fin-Naxxar, wara li matul il-lejl il-kaxxi kollha tal-votazzjoni ġew trasportati minn madwar Malta u Għawdex u l-poloz tqiegħdu wiċċhom l-isfel bi tħejjija għall-proċess.

Din hija biss it-tieni elezzjoni ġenerali li fiha qed tintuża s-sistema elettronika tal-iskennjar tal-voti, li għandha tħaffef b’mod sostanzjali l-għadd u t-trasferimenti tal-voti bejn il-kandidati.

Meta jibda l-proċess, il-voti jiġu mqassma skont id-distretti elettorali. L-aġenti tal-għadd fuq ġewwa tal-perspex jgħollu kull vot sabiex l-aġenti tal-partiti politiċi jkunu jistgħu jaraw u jieħdu nota tal-ewwel preferenza, qabel il-poloz jgħaddu għall-iskennjar elettroniku.

Malta tuża s-sistema tas-Single Transferable Vote (STV), li tippermetti lill-votanti jikklassifikaw il-kandidati skont il-preferenza tagħhom. L-ewwel jingħaddu l-voti tal-ewwel preferenza, u kandidati li jilħqu l-kwota meħtieġa jiġu eletti immedjatament. Jekk kandidat ikollu aktar voti milli għandu bżonn, il-voti żejda tiegħu jiġu trasferiti skont il-preferenzi li jmiss. Jekk ħadd ma jilħaq il-kwota, il-kandidat bl-inqas voti jiġi eliminat u l-voti tiegħu jitqassmu mill-ġdid.

Għalkemm il-proċess uffiċjali tal-għadd jista’ jdum il-ġurnata kollha, l-ewwel indikazzjoni tar-riżultat ġeneralment toħroġ ferm qabel.

Dan għaliex mill-ewwel mumenti tal-għadd, l-aġenti tal-partiti jibdew jiġbru informazzjoni dwar l-ewwel preferenzi minn kull distrett. Hekk kif jiżdied il-kampjun tal-voti osservati, il-partiti jkunu jistgħu jibnu stampa dejjem aktar ċara tar-riżultat finali.

Fil-fatt, normalment ikun possibbli li jkun hemm indikazzjoni affidabbli dwar min rebaħ l-elezzjoni bejn siegħa u sagħtejn wara li jibda l-għadd, għalkemm dan jiddependi wkoll mid-distakk bejn il-partiti ewlenin.

Ir-riżultat uffiċjali, madankollu, joħroġ biss wara li l-Kummissjoni Elettorali tlesti l-proċeduri kollha tal-għadd u l-verifika formali tal-voti.

Bis-saħħa tas-sistema elettronika, huwa mistenni li sa tard il-Ħadd filgħaxija jkunu magħrufa l-ismijiet tal-membri parlamentari kollha eletti fil-Parlament il-ġdid.

More in Elezzjoni 2026