Editorjal | L-elezzjoni għaddiet: Issa x’jista’ jistenna l-pajjiż?

Mit-trasport tal-massa sal-akkomodazzjoni, mis-saħħa sal-ekonomija, il-kampanja elettorali tal-2026 kienet dominata minn wegħdiet ambizzjużi u investimenti kbar. Issa li l-votazzjoni ntemmet, il-mistoqsija ewlenija tibqa’ jekk dawn il-proposti humiex sostenibbli u kif se jiġu tradotti f’riżultati konkreti għall-poplu Malti u Għawdxi

Din il-kampanja elettorali kienet waħda mimlija wegħdiet ambizzjużi, proposti ta’ investimenti kbar u viżjonijiet differenti dwar kif għandu jimxi l-pajjiż fis-snin li ġejjin. Kemm il-PL kif ukoll il-PN iffokaw fuq temi li jolqtu direttament lill-familji, iż-żgħażagħ, il-pensjonanti u n-negozji. 

Wieħed mill-aktar suġġetti diskussi kien it-trasport tal-massa. Ġew diskussi wkoll l-għoli tal-ħajja u l-proprjetà. Iż-żewġ partiti wiegħdu aktar għajnuna għall-first-time buyers, iżda b’approċċi differenti. Il-PL ippropona self mingħajr imgħax biex jgħin fix-xiri ta’ proprjetà, filwaqt li l-PN wiegħed rifużjoni fuq l-imgħax tal-home loans għal diversi snin. Dan juri li, ikun min ikun fil-gvern, il-pressjoni fuq il-prezzijiet tal-proprjetà se tibqa’ prijorità nazzjonali. 

Fil-qasam tas-saħħa, il-PN għamel enfasi kbira fuq investiment massiv fl-isptarijiet u servizzi ġodda diġitali biex il-pazjenti jingħataw kura aktar effiċjenti. Min-naħa tiegħu, il-PL iffoka aktar fuq prevenzjoni, benesseri u skemi relatati ma’ attività fiżika u kwalità tal-ħajja. 

L-ekonomija kienet ukoll fiċ-ċentru tal-kampanja. Il-PL tkellem fuq kontinwità ekonomika, tkabbir sostenibbli u investiment f’setturi bħat-teknoloġija, il-finanzi u l-avjazzjoni. Il-PN, min-naħa l-oħra, ippropona ekonomija aktar marbuta mal-intelliġenza artifiċjali, l-industrija spazjali u investimenti ġodda fil-qasam marittimu. 

Tema oħra importanti kienet Għawdex. Kemm il-PL kif ukoll il-PN wiegħdu investiment akbar fil-gżira Għawdxija, b’wegħdiet ta’ toroq aħjar, skejjel modernizzati u aktar opportunitajiet ta’ xogħol. Dan juri li hemm qbil ġenerali li Għawdex għandu jingħata aktar attenzjoni fil-futur. 

Minkejja d-differenzi politiċi, hemm xi punti komuni bejn iż-żewġ partiti. It-tnejn qed iwiegħdu aktar investiment soċjali, għajnuna lill-familji u aktar modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi. Dan ifisser li wara l-elezzjoni, il-poplu jistenna li jara aktar proġetti infrastrutturali, aktar skemi ta’ assistenza u aktar enfasi fuq it-teknoloġija fis-servizzi tal-gvern. 

Il-mistoqsija ewlenija tibqa’: dawn il-wegħdiet kollha, kemm huma sostenibbli fit-tul? Diversi osservaturi qalu li l-kampanja kienet kompetizzjoni ta’ nefqa kbira, b’ħafna proposti li jistgħu jiswew miljuni kbar lill-pajjiż. 

Fl-aħħar mill-aħħar, ikun min ikun fil-gvern wara l-elezzjoni tal-2026, jidher ċar li Malta se tibqa’ għaddejja minn fażi ta’ bidla ekonomika u soċjali. Iżda l-akbar sfida se tkun kif dawn il-wegħdiet jinbidlu f’riżultati konkreti li tassew itejbu l-ħajja tan-nies. 

 

More in Elezzjoni 2026