U kif morna?

Wara kważi erba’ deċennji jirrapporta fuq l-elezzjonijiet ġenerali, l-awtur iqis il-kampanja tal-2026 bħala l-aktar waħda kwieta u dinjituża li qatt esperjenza, filwaqt li janalizza r-rwol ta’ Robert Abela u Alex Borg, il-bidla fil-kultura politika u l-fatturi li jistgħu jiddeterminaw l-għażla finali tal-votanti

Ili mhux ħażin nirrapporta fuq l-elezzjonijiet ġenerali, kważi 40 sena. Din kienet l-iktar waħda kwieta u dinjituża. Ma kienx hemm dak it-tgħajjir tas-soltu u r-rimettar jew inkella l-vjolenza. Lanqas kien hemm l-assassinju ta’ karattri jew inkella assalt fuq min kellu fehma differenti. Lanqas ma kien hemm il-bloggs li jimlewk bil-ħdura kontra wieħed jew l-oħra. 

U għal dan żgur iridu nirringrazzjaw il-mexxejja politiċi Robert Abela u Alex Borg li għażlu konxjament biex ma jiħdux id-diskors tagħhom għal-livelli baxxi u inaċċettabbli li konna naraw. Prosit! Għax jien verament kont għejejt bil-ħdura li konna nesperjenzaw fil-passat.

Nitkellmu ħafna u mmaqdru ħafna lil pajjiżna, imma mxejna ħafna tafux biex inkunu aktar maturi u aktar sensibbli. U allaħares immorru lura u nieħdu pass lura u ma nkomplux kif qegħdin illum. Perfetti m’aħniex imma mxejna.

Kienet kampanja elettorali li bdiet fil-bidu, bl-assenza ta’ Alex Borg. Kulħadd qisu beda jgħid li dawn il-PN mhumiex preparati u mhux se jagħmlu kampanja. Il-cartoonist ta’ din il-gazzetta Mikiel Galea, li minn hawnhekk insellimlu, ma jiflaħx. U għax ma kienx jiflaħ kien ipprepara cartoon xi ġranet minn qabel.

Kien pinġa tim tal-futbol ġewwa grawnd u fuq naħa minnhom tim immexxi minn Robert Abela u fuq in-naħa l-oħra l-ebda tim, grawnd nofsu mimli biss.

Konna sejrin bil-gazzetta b’dan il-cartoon biex imbagħad f’daqqa waħda ħareġ Alex Borg bil-kampanja tiegħu. Niftakar il-cartoonist ibiddel il-cartoon fl-aħħar mument u jżid lil Alex Borg kontra t-tim ta’ Robert Abela.

Alex Borg irnexxielu jqajjem lin-Nazzjonalisti. Fil-politika, il-kelma ‘likeable’ hija mod kif tiddeskrivi persuna fil-politika. Borg huwa ‘likeable’ ħafna.

Fuq in-naħa l-oħra Robert Abela seta’ jiftaħar b’tim kompatt u bl-esperjenza u b’ekonomija dinamika.

Is-sondaġġi kollha qed jagħtu rebħa għall-Partit Laburista. Hawn minn qed jagħti fuq 30 elf u hawn min 18 il-elf. Imma hemm numru esaġerat ta’ votanti li fi tliet sondaġġi qed jgħidulna li ma jafux x’se jagħmlu u mbagħad hemm numru ta’ persuni li jista’ jkun li qed jirrispondu b’mod veritier u jista’ jkun li mhux qed jgħidulna l-verità.

Dan kollu jista’ ma jfisser xejn, u huwa għalhekk li l-mexxejja tal-Partiti ewlenin jitkellmu u jinsistu fil-pubbliku li huma ma joqogħdux fuq in-numri. Mhux kompletament il-verità, in-numri jagħtu kashom, imma ċertament ix-xogħol tagħhom mal-votanti ma tantx itik impressjoni li qed jaraw rebħa żgura.

Fil-kampanja, ma kienx hemm xi proposti straordinarji imma kien hemm erba’ proposti ambizzjużi li jistgħu jmorru żmerċ. Il-metrò naħseb huwa l-każ klassiku. 

Il-proposta fiha nnifisha tista’ twassal għal soluzzjoni parzjali tat-traffiku imma min-naħa l-oħra tista’ tfalli għax tiġi tiswa wisq u tħallina b’ħofra kbira. Imma jista’ jkun li twassalna biex verament insolvu l-problema.

Imbagħad hemm proposti oħra relatati ma’ taxxi u ħlas ta’ interessi jew inkella meta tiġi biex tixtri l-ewwel dar. Dawn il-proposti kienu kollha intiżi biex itejbu l-istat finanzjarju ta’ dak li jkun u biex iħajjar lil xi ħadd jivvota għal partit u mhux għall-ieħor.

Imma jien naħseb – u nista’ nkun żbaljat – li fl-imħuħ ta’ ħafna nies kien hemm kunsiderazzjonijiet sempliċi. 

Dawn qsamthom fi tliet kategoriji. 

Fl-ewwel kategorija nsibu nies li kienu influwenzati mill-approċċ li ‘it is better the devil you know …” u t-tieni kategorija kienet influwenzata minn nies li ma jixtiqux li l-Labour jirbaħ b’distakk daqstant kbir, u t-tielet kategorija kienet xprunata mill-ħsieb li l-pajjiż kien mifni mill-influss ta’ barranin, il-qerda ambjentali u l-korruzzjoni.

Nista’ nkun żbaljat imma b’din l-osservazzjoni ma naħsibx li jien. U issa wieħed irid jara liema minn dawn il-kategoriji jirbaħ fuq l-ieħor.

Ovvjament hemm fatturi oħra, fosthom dwar l-età u l-esperjenza ta’ Alex, dwar it-tim ta’ Robert, dwar il-fatt li l-affarijiet sejrin tajbin u m’hemmx bżonn li jinbidlu, eċċetra eċċetra.

Impossibbli nidħlu fl-imħuħ tan-nies kollha, u kull persuna għandha l-mod uniku kif tirraġuna. Li huwa ċert li ħafna jew il-biċċa l-kbira tal-votanti jemmnu li l-vot tagħhom huwa importanti u jista’ jbiddel l-eżitu tal-elezzjoni.

Dak is-sabiħ tad-demokrazija vera. 

Dak is-sabiħ li kulħadd huwa appassjonat bil-proċess elettorali u jemmen li bil-vot jista’ jkun determinanti fl-għażla ta’ gvern u ta’prim ministru.

Issa naraw!

More in Elezzjoni 2026