Il-Kummissjoni Elettorali ħabbret li sal-2pm kienu vvutaw 43.59% tal-votanti eliġibbli fl-elezzjoni ġenerali.
Iċ-ċifra hija kważi identika għal dik mhux uffiċjali li kienet qed tiċċirkola aktar kmieni matul il-ġurnata u tirreferi biss għall-voti mitfugħa matul il-jum tal-votazzjoni.
Il-Kummissjoni enfasizzat li dawn il-perċentwali ma jinkludux il-voti mitfugħa matul it-tliet ijiem ta’ votazzjoni bikrija, fosthom dawk tal-pazjenti fl-isptarijiet, persuni li vvutaw qabel il-ġurnata elettorali u kategoriji oħra eliġibbli.
L-ogħla turnout ġie rreġistrat fl-Ewwel Distrett b’47.30%, segwit mit-Tmien Distrett b’46.46% u mid-Disa’ Distrett b’46.02%.
Min-naħa l-oħra, l-inqas turnout ġie rreġistrat fit-Tnax-il Distrett b’39.76%, li kien l-uniku distrett li baqa’ taħt il-40%.
Id-distretti l-oħra rreġistraw turnout bejn 42% u 44%, b’livelli relattivament stabbli madwar il-pajjiż kollu.
Il-votanti fadlilhom inqas minn seba’ sigħat biex jitfgħu l-vot tagħhom qabel jagħlqu l-postijiet tal-votazzjoni fl-10pm.
Fl-elezzjoni ġenerali tal-2022, il-Kummissjoni Elettorali kienet ħabbret turnout ta’ 40.5% sal-2pm fuq il-ġurnata tal-votazzjoni biss, li tela’ għal 44.8% meta ġew inklużi wkoll il-voti bikrija.
L-elezzjoni tal-2022 kienet irreġistrat turnout finali ta’ 85.5%, l-inqas wieħed fl-istorja ta’ Malta wara l-Indipendenza.