ARA | Alex Borg jivvota fil-Munxar Għawdex

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg tefa’ l-vot tiegħu fil-Munxar, Għawdex, f’mument li ilna ma naraw fejn mexxej ta’ partit jivvota fuq il-gżira Għawdxija għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin

Ritratt: Miguela Xuereb/Newsbook
Ritratt: Miguela Xuereb/Newsbook

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg tefa’ l-vot tiegħu fil-Munxar, Għawdex, hekk kif il-pajjiż qed jivvota fl-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju.

Il-vot ta’ Borg għandu sinifikat partikolari, hekk kif huwa l-ewwel mexxej ta’ partit politiku f’għexieren ta’ snin li qed jivvota f’Għawdex.

Borg, li ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament mill-13-il Distrett fl-2022 u li huwa Għawdxi, ivvota fil-lokalità tal-Munxar fost preżenza qawwija ta’ partitarji u midja.

F’kummenti lill-ġurnalisti wara li vvota, Borg irringrazzja lill-membri tal-midja talli vvjaġġaw sa Għawdex biex isegwu l-ġurnata elettorali.

Huwa appella wkoll lill-votanti biex ikomplu joħorġu jivvutaw.

“Komplu vvutaw biex nagħtu nifs ġdid lil Malta,” qal Borg, b’referenza għall-messaġġ ċentrali tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista.

Barra l-post tal-votazzjoni, Borg kien akkumpanjat mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, li matul il-kampanja kienet waħda mill-aktar persuni prominenti li appoġġjaw lill-PN.

Miegħu kien hemm ukoll kandidati Nazzjonalisti tal-13-il Distrett.

 

More in Elezzjoni 2026