Kollox jinsab lest għall-elezzjoni ġenerali hekk kif il-Kummissjoni Elettorali nhar il-Ġimgħa filgħaxija ssigillat uffiċjalment il-kaxxi tal-voti fil-preżenza ta’ uffiċjali tal-Kummissjoni u rappreżentanti tal-partiti politiċi.
Ritratti mqassma lill-midja mill-Kummissjoni Elettorali wrew l-aħħar preparazzjonijiet qabel ma jiftħu l-postijiet tal-votazzjoni madwar il-pajjiż.
B’kollox, 342,351 persuna huma eliġibbli biex jivvutaw f’din l-elezzjoni.
Madankollu, mhux kulħadd se jkun jista’ jagħmel dan.
Il-Kummissjoni Elettorali kkonfermat li 15,312-il votant ma ġabrux id-dokument tal-vot tagħhom sal-iskadenza ta’ nofsillejl tal-Ħamis, li jfisser li awtomatikament se jastjenu mill-elezzjoni.
Dan jirrappreżenta madwar 4.3% tal-elettorat.
L-elezzjoni ta’ din is-sena qed tara wkoll numru sostanzjali ta’ kandidati.
B’kollox qed jikkontestaw 162 kandidat, mifruxa fuq seba’ formazzjonijiet politiċi differenti u kandidati indipendenti.
Il-Partit Laburista qed jippreżenta l-akbar numru ta’ kandidati b’72, segwit mill-Partit Nazzjonalista b’65 kandidat.
Momentum qed tikkontesta b’seba’ kandidati, filwaqt li ADPD qed tippreżenta tmien kandidati.
Aħwa Maltin qed tikkontesta b’seba’ kandidati, Imperium Europa b’kandidat wieħed, filwaqt li hemm ukoll żewġ kandidati indipendenti.
Jiem qabel il-votazzjoni, diversi stħarriġ elettorali ppruvaw ibassru x’jista’ jkun ir-riżultat finali.
L-aħħar stħarriġ ta’ MaltaToday matul il-kampanja poġġa lill-Partit Laburista b’vantaġġ ta’ madwar 18,000 vot fuq il-Partit Nazzjonalista.
Madankollu, skont l-istess stħarriġ, id-distakk finali jista’ jvarja b’mod sinifikanti skont ix-xenarji statistiċi differenti.
Fil-fatt, il-vantaġġ tal-PL jista’ jkun bejn 12,607 u 28,775 vot.
L-istħarriġ jindika wkoll tnaqqis fil-parteċipazzjoni elettorali.
It-turnout huwa mbassar li jilħaq 79.2%, jiġifieri 3.5 punti perċentwali inqas minn dak irreġistrat fl-2022.
Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, il-parteċipazzjoni kienet ta’ 85.6%, filwaqt li 2.9% tal-votanti kienu invalidaw il-vot tagħhom.
Hekk kif il-kampanja elettorali issa spiċċat uffiċjalment u l-kaxxi tal-voti ġew issiġillati, il-fokus kollu qed idur fuq il-ġurnata tal-votazzjoni.
Wara ġimgħat ta’ dibattiti, wegħdiet, mass meetings u battalji fuq il-billboards, issa l-kelma tgħaddi għand il-votanti.