Jumejn biss qabel il-votazzjoni ġenerali, il-Kap ta’ Momentum Arnold Cassola appella lill-votanti biex ma jivvutawx “bil-biża’, bid-drawwa jew bil-lealtà tribali”, iżda għall-pajjiż li jridu jħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri.
Fi stqarrija maħruġa nhar il-Ħamis, Cassola qal li minkejja x’jista’ jkun ir-riżultat finali tal-elezzjoni, Momentum diġà rnexxielha tikseb kisba importanti fil-politika Maltija.
“Għenna nagħtu vuċi lil ċittadini li ħassewhom mhux mismugħa u urejna li hemm spazju għal alternattiva kredibbli, ibbażata fuq prinċipji u li tħares ’il quddiem,” qal Cassola.
Il-Kap ta’ Momentum irringrazzja wkoll liċ-ċittadini li laqgħu lill-partit fid-djar, fuq il-postijiet tax-xogħol u fil-komunitajiet tagħhom matul il-kampanja elettorali.
Huwa qal li l-appoġġ li rċieva l-partit juri li x-xewqa għal tiġdid politiku f’Malta qed tikber.
Cassola sostna li l-kampanja elettorali kkonfermat kemm ħafna Maltin u Għawdxin huma frustrati bil-mod kif ilha ssir il-politika fil-pajjiż għal għexieren ta’ snin miż-żewġ partiti tradizzjonali.
“In-nies għajjenin bl-arroganza, bl-iskandli ta’ korruzzjoni, bl-iżvilupp bla kontroll, bil-kaos tat-traffiku, bil-klijenteliżmu u bil-qerda ambjentali,” qal Cassola.
Skont hu, wisq drabi l-kultura politika fil-pajjiż tpoġġi l-interessi partiġġjani qabel l-interess nazzjonali.
Cassola qal ukoll li Momentum matul il-kampanja indirizzat diversi temi li, skont hu, partiti oħra għażlu li jinjoraw.
Fosthom semma l-ħtieġa li jiġu protetti l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja “qabel ikun tard wisq”, filwaqt li ddefenda residenti li qed iġorru l-konsegwenzi ta’ kostruzzjoni eċċessiva u żvilupp bla kontroll.
Il-Kap ta’ Momentum sostna wkoll li l-partit tefa’ dawl fuq ir-realtà ta’ familji li qed iqattgħu sigħat fit-traffiku kuljum u qal li Momentum ipproponiet soluzzjonijiet realistici għat-trasport flok “proġetti vojta maħsuba biss għall-headlines”.
Cassola qal ukoll li l-partit tiegħu insista fuq il-meritokrazija u kkundanna l-abbuż tal-impjiegi pubbliċi għal skopijiet elettorali.
Huwa sejjaħ għal governanza aktar nadifa, istituzzjonijiet aktar b’saħħithom u sistema politika li “taqdi liċ-ċittadini u mhux lil lobbies b’konnessjonijiet”.
Il-Kap ta’ Momentum irringrazzja wkoll lill-kandidati u l-voluntiera tal-partit, li qal taw il-ħin u l-enerġija tagħhom għall-moviment.
Skont hu, il-kandidati ta’ Momentum urew li politika tista’ tkun ibbażata fuq ideat u mhux fuq attakki personali.
“Minkejja r-riżorsi finanzjarji limitati u l-makkinarju enormi tal-partiti stabbiliti, irnexxielna nwasslu l-messaġġ tagħna madwar Malta u Għawdex b’dinjità u determinazzjoni,” qal Cassola.
Lejn tmiem il-messaġġ tiegħu, Cassola sostna li “l-vjaġġ għal bidla vera ma jispiċċax b’din l-elezzjoni”.
“Dan huwa biss il-bidu,” temm jgħid.
U hekk kif il-kampanja qed tagħlaq, Momentum qed tkompli tipprova tattira lil dawk il-votanti li ilhom snin iħossu li m’għadhomx jaraw lilhom infushom fil-politika tradizzjonali Maltija — anke jekk, bħal dejjem, ħafna għadhom jgħidu li “se jiddeċiedu fl-aħħar minuta”.