Il-Kummissjoni Elettorali fakkret lill-pubbliku li l-Ħamis, 28 ta’ Mejju 2026, huwa l-aħħar jum biex il-votanti jiġbru d-dokument tal-vot tagħhom qabel il-votazzjoni tas-Sibt.
Id-dokumenti jistgħu jinġabru mill-uffiċċji tal-Kummissjoni Elettorali fil-Counting Hall fil-grounds tal-eks Trade Fair fin-Naxxar, kif ukoll mill-Uffiċċju Elettorali fi Triq Ta’ Wara s-Sur fir-Rabat, Għawdex, għal dawk irreġistrati f’Għawdex.
Il-Kummissjoni qalet li l-uffiċċji se jkunu miftuħa bejn it-8am u s-1pm, u jerġgħu jiftħu bejn it-3pm u nofsillejl.
Il-votanti jridu jidhru personalment quddiem il-Kummissjonarji Elettorali u jippreżentaw il-karta tal-identità tagħhom, hekk kif ebda forma oħra ta’ identifikazzjoni mhi se tkun aċċettata.
Sar ukoll arranġament speċjali għal persuni morda li ma jistgħux jinżlu mill-vettura privata tagħhom meta jaslu fl-uffiċċji tal-Kummissjoni.
F’dawn il-każijiet, Kummissjonarju Elettorali se jwassal id-dokument tal-vot direttament għand il-votant fil-karozza tiegħu.
Il-Kummissjoni Elettorali fakkret ukoll li skont il-liġi, l-ebda dokument tal-vot ma jista’ jiġi stampat, miġbur jew ikkunsinnat fid-29 u t-30 ta’ Mejju.
Dan ifisser li kull min ma jiġborx id-dokument tiegħu sal-Ħamis f’nofsillejl mhux se jkun jista’ jivvota nhar is-Sibt.