Momentum akkuża kemm lill-Partit Laburista kif ukoll lill-Partit Nazzjonalista li qed jippruvaw jogħġbu lill-lobby tal-kaċċa u n-nasba fl-aħħar jiem tal-kampanja elettorali.
Fi stqarrija, il-partit qal li ċerti dikjarazzjonijiet politiċi qed jibagħtu “messaġġ perikoluż” li l-liġijiet ambjentali jistgħu jiġu injorati meta jkunu involuti gruppi politiċi influwenti.
Il-Kap ta’ Momentum Arnold Cassola sostna li l-protezzjoni ambjentali m’għandhiex titqies bħala kwistjoni sekondarja li tiġi ssagrifikata għal “konvenjenza politika għal żmien qasir”.
Il-partit irrefera għal kummenti li saru dan l-aħħar mill-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri, li ta x’jinftiehem li multi jew pieni imposti fuq kaċċaturi li jinqabdu joqtlu għasafar protetti illegalment jistgħu jiġu riveduti jew imnaqqsa.
Momentum ikkritika ukoll kummenti magħmula mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt attività politika f’Għawdex, fejn assigura lill-kaċċaturi u n-nassaba li dawn “ikunu salvagwardjati” taħt Gvern Nazzjonalista.
“Għal snin twal kemm il-PL kif ukoll il-PN ħadu dawra wara l-oħra jippruvaw jogħġbu interessi b’saħħithom filwaqt li l-ambjent kompla jiddeterjora,” qal Cassola.
Huwa sostna li minflok jiddefendu l-bijodiversità u s-saltna tad-dritt, iż-żewġ partiti qed jikkompetu bejniethom biex jogħġbu lil dawk li jemmnu li għandhom ikunu “’l fuq mil-liġijiet ambjentali”.
Cassola qal ukoll li Malta ilha tbati minn kultura politika fejn il-kalkoli elettorali jitqiegħdu qabel il-protezzjoni tan-natura u l-ispeċi protetti.
Skont hu, il-kaċċa u n-nasba illegali qed ikomplu jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta filwaqt li jheddu speċi protetti madwar l-Ewropa.
Il-Kap ta’ Momentum sostna li l-elezzjoni ta’ partit terz fil-Parlament hija “l-uniku mod realistiku” biex il-protezzjoni ambjentali u s-sostenibbiltà jitpoġġew fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet nazzjonali.
“Li tipproteġi l-bijodiversità mhuwiex estremiżmu; hija responsabbiltà,” temm jgħid Cassola.