Silvio Schembri jwiegħed bidliet fil-multi tal-kaċċa u revoka permanenti tal-liċenzji

Il-Ministru Silvio Schembri spiċċa fil-mira tal-kritika wara li ta x’jinftiehem li Gvern Laburista jista’ jibdel il-multi u r-regoli dwar revoka ta’ liċenzji għall-kaċċaturi li jiksru l-liġi

Il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri spiċċa taħt kritika minn għaqdiet ambjentali wara kummenti li ta waqt attività elettorali mal-kaċċaturi u n-nassaba, fejn ta x’jinftiehem li Gvern Laburista jista’ jemenda l-multi u r-regoli dwar revoka ta’ liċenzji għal min jikser il-liġi.

Waqt l-attività, Schembri qal li “hemm bżonn isir il-pass li jmiss”, b’mod partikolari fejn jidħlu l-multi u “r-revoka għal għomor il-ħajja tal-liċenzji, anke għal dawk li diġà kellhom il-liċenzja revokata”.

Il-Ministru appella wkoll lil dawk preżenti biex jassiguraw li l-Partit Laburista jerġa’ jiġi elett fil-Gvern, hekk kif sostna li huwa “l-uniku partit li jissalvagwardja d-drittijiet tal-kaċċaturi u n-nassaba”.

Wara dawn il-kummenti, il-Malta Ranger Unit (MRU) qalet li kienet “xxukkjata” bil-wegħdi magħmula minn Schembri.

L-NGO irrimarkat li meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra, Malta diġà għandha multi relattivament baxxi għal illegalitajiet marbuta mal-kaċċa u n-nasba.

“A hobby like hunting, that relies on conservation and sustainability, can never be guaranteed,” qalet l-MRU fi stqarrija.

L-għaqda sostniet li l-futur tal-kaċċa għandu dejjem jiddependi fuq is-saħħa tan-natura u l-istat tal-ispeċi li jistgħu jiġu kkaċċjati.

Il-MRU qalet ukoll li l-fatt li politiċi qed “joqogħdu mal-ġenb ta’ persuni misjuba ħatja” ma għandux jittieħed b’mod ħafif.

“Din l-istqarrija mhijiex biss insult għall-protezzjoni ambjentali, iżda wkoll nuqqas ta’ rispett lejn il-kaċċaturi li jimxu mal-liġi, il-pulizija u l-qrati,” qalet l-għaqda fil-konfront ta’ Schembri.

Il-kummenti tal-Ministru waslu wkoll ftit jiem wara li Momentum akkużat kemm lill-PL kif ukoll lill-PN li qed jippruvaw jogħġbu lill-lobby tal-kaċċa matul il-kampanja elettorali.

More in Elezzjoni 2026