Il-Partit Laburista qed iżomm vantaġġ ta’ madwar 18,000 vot fuq il-Partit Nazzjonalista skont it-tieni u l-aħħar stħarriġ elettorali ta’ MaltaToday qabel il-votazzjoni tas-Sibt.
L-istħarriġ juri lill-PL fuq 50.6% tal-voti, filwaqt li l-PN jinsab fuq 44.2%, b’partiti terzi jiġbru 5.2%.
Madankollu, il-vantaġġ jista’ jvarja bejn madwar 12,600 u kważi 28,800 vot skont il-mudelli statistiċi differenti u kif eventwalment jivvutaw l-eletturi li għadhom indeċiżi.
L-istħarriġ huwa bbażat fuq kampjun ta’ 1,382 persuna u sar bejn it-13 u l-24 ta’ Mejju, matul it-tielet u r-raba’ ġimgħa tal-kampanja elettorali. Il-margin of error hija ta’ +/-2.6 punti.
Meta mqabbel mal-elezzjoni ġenerali tal-2022, fejn id-distakk bejn iż-żewġ partiti kien laħaq 39,000 vot, ir-riżultat attwali jindika tnaqqis sostanzjali fil-vantaġġ Laburista.
L-istħarriġ jindika wkoll turnout proġettat ta’ 79.2%, jiġifieri 3.5 punti inqas minn dak irreġistrat fl-2022.
Skont l-istess survey, 11.7% tal-votanti għadhom indeċiżi dwar lil min se jivvutaw — ekwivalenti għal aktar minn 41,000 votant — fattur li jista’ għadu jħalli impatt fuq ir-riżultat finali.
L-istħarriġ juri wkoll li l-akbar sfida għall-PL tibqa’ l-astensjoni fost il-votanti tiegħu stess.
Fil-fatt, il-PL qed jitlef madwar 10.9% tal-votanti tiegħu tal-2022 lejn l-astensjoni, filwaqt li l-PN qed jitlef madwar 6%.
Ibbażat fuq iċ-ċifri tal-istħarriġ, dan ifisser li l-Partit Laburista qed jitlef madwar 17,700 vot lejn non-voters, filwaqt li l-PN qed jitlef madwar 7,400 vot.
L-istħarriġ jikkonferma wkoll ċaqliq żgħir ta’ votanti mill-PL lejn il-PN.
Madwar 4.4% tal-votanti Laburisti tal-2022 issa qed jindikaw li se jivvutaw PN, filwaqt li 3% tal-votanti Nazzjonalisti tal-2022 qed jgħidu li se jivvutaw Labour.
Dan jirriżulta f’ċaqliq nett ta’ madwar 3,462 vot favur il-PN.
Fuq livell reġjonali, il-battalja f’Għawdex tidher aktar viċina, bil-PN iżomm vantaġġ ta’ 3.3 punti biss, ferm inqas mill-vantaġġ ta’ 12-il punt li kellu fl-ewwel survey elettorali ta’ MaltaToday.
Min-naħa l-oħra, il-PL żamm vantaġġi qawwija fir-reġjuni tradizzjonalment Laburisti bħas-South Harbour u x-Xlokk.
L-istħarriġ juri wkoll lill-PL fuq quddiem fil-kategoriji kollha tal-età.
Il-vantaġġ tiegħu huwa l-aktar qawwi fost iż-żgħażagħ bejn is-16 u l-35 sena u fost dawk bejn il-51 u l-65 sena, fejn il-partit qed imexxi b’madwar tmien punti.
Intant, fuq il-livell ta’ fiduċja fil-mexxejja, id-distakk bejn Robert Abela u Alex Borg kompla jonqos.
Abela huwa fdat biex imexxi lill-pajjiż minn 41.8% tal-votanti, filwaqt li Borg jinsab fuq 37.2%.
Dan ifisser li d-distakk naqas għal 4.6 punti meta mqabbel mas-seba’ punti li kienu jifirdu liż-żewġ mexxejja fl-ewwel survey elettorali ta’ MaltaToday.
L-istħarriġ juri wkoll li Alex Borg qed imexxi lil Robert Abela f’Għawdex, fir-reġjun tat-Tramuntana u fil-Punent, filwaqt li Abela għandu vantaġġ qawwi fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-pajjiż.
Skont ir-riżultati, l-ogħla rata ta’ nies li ma jafdaw lil ebda wieħed miż-żewġ mexxejja tinsab fost iż-żgħażagħ taħt il-35 sena.