Il-Prim Ministru Robert Abela appella lill-votanti biex is-Sibt jerġgħu jagħtu l-fiduċja tagħhom lill-Partit Laburista, hekk kif sostna li l-moviment Laburista “qatt ma dar dahru lin-nies u qatt mhu se jagħmel hekk”.
Waqt attività politika t-Tlieta filgħaxija, Abela qal li l-Partit Laburista twieled bħala moviment li dejjem ħadem favur “iż-żgħir u l-vulnerabbli” u għal dawk li riedu opportunitajiet aħjar għal uliedhom.
“Dan il-moviment twieled minn ħolma… il-ħolma ta’ nies li sofrew il-preġudizzju u li dejjem ħadmu biex it-tfal tagħhom ikollhom l-istess opportunitajiet bħal kulħadd,” qal Abela.
Il-Prim Ministru sostna li Malta llum qabżet pajjiżi li darba kienet biss “toħlom li tlaħħaq magħhom”, u attribwixxa dan għat-tmexxija ekonomika tal-Gvern Laburista matul l-aħħar snin.
Abela qal ukoll li l-progress li sar ma għandux jittieħed bħala garantit, filwaqt li wissa li “ftit għażliet ħżiena jistgħu jeqirdu dak kollu li nbena”.
“Jekk tridu żżommu dak li għandkom, agħtu l-fiduċja tagħkom lil min verament ipoġġikom bħala prijorità,” qal il-Prim Ministru lill-partitarji preżenti.
Huwa sostna li minkejja l-isfidi internazzjonali u l-instabbiltà ġeopolitika tal-aħħar xhur, Malta rnexxielha tibqa’ b’waħda mill-aktar ekonomiji b’saħħithom fl-Ewropa.
Abela qal li matul il-kriżijiet internazzjonali tal-aħħar snin — fosthom il-pandemija u tensjonijiet internazzjonali — il-Gvern baqa’ jżomm il-fokus fuq il-familji, iż-żgħażagħ, il-pensjonanti u n-negozji Maltin.
Il-Prim Ministru reġa’ semma wkoll diversi proposti elettorali tal-Partit Laburista fosthom il-€1,000 “super bonus”, culture pass għaż-żgħażagħ u l-estensjoni tal-iskema għall-first-time buyers.
Huwa qal ukoll li filwaqt li taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti l-pensjonijiet kienu “ffriżati”, il-Partit Laburista issa qed iwiegħed aktar żidiet għall-anzjani.
F’attakk dirett lejn il-Partit Nazzjonalista, Abela sostna li l-manifest Laburista kien mibni fuq il-bżonnijiet tan-nies, filwaqt li allega li l-manifest tal-PN kien “miktub minn chatbot tal-AI”.
Huwa żied jgħid li Alex Borg “issa qed jagħti t-tort lill-chatbot kull darba li jinqabad jagħmel żball”.
Lejn tmiem id-diskors tiegħu, Abela appella lill-partitarji biex ma jħallux surveys jew projections jinfluwenzawhom.
“L-elezzjoni tintrebaħ bil-voti u mhux bis-surveys,” qal Abela, filwaqt li sejjaħ l-elezzjoni ta’ din is-sena bħala waħda kruċjali għall-futur tal-pajjiż.
Huwa qal ukoll li kull elezzjoni “tibda minn żero” u appella lil dawk li diġà ddeċidew kif se jivvutaw biex jikkonvinċu lil oħrajn jagħmlu l-istess.
“Morru vvutaw kmieni s-Sibt, morru mal-familja tagħkom u mal-ħbieb tagħkom,” qal Abela fl-għeluq tad-diskors tiegħu.