‘Imfaħħra fid-diskorsi, minsija fil-politika’: Momentum b’wegħdi ġodda għall-volontarjat

Momentum qal li l-għaqdiet volontarji ilhom snin “imfaħħra fid-diskorsi iżda minsija fil-politika”, hekk kif ippropona tax rebates usa’, riforma fil-kontijiet tad-dawl u sistema ta’ punti akkreditati għall-voluntiera

Momentum qal li l-voluntiera u l-għaqdiet volontarji għandhom jingħataw aktar rikonoxximent u trattament aktar ġust mill-Istat
Momentum qal li l-voluntiera u l-għaqdiet volontarji għandhom jingħataw aktar rikonoxximent u trattament aktar ġust mill-Istat

Momentum qal li Malta trid tibda tagħti aktar rikonoxximent konkret lill-voluntiera u lill-għaqdiet volontarji, hekk kif sostna li s-settur ilu snin “taħtfinanzjat, sottovalutat u żvantaġġjat strutturalment”.

Fi stqarrija bħala parti mis-serje ta’ proposti elettorali tiegħu, il-partit qal li l-għaqdiet volontarji qed iġorru ħafna responsabbiltajiet li inkella jkollu jġorr il-Gvern innifsu.

Momentum irrimarka li dawn l-organizzazzjonijiet imexxu servizzi ta’ kura, inizjattivi kulturali, proġetti ambjentali, sports clubs u xogħol komunitarju li skont il-partit “l-Istat waħdu qatt ma seta’ jwettaq”.

Madankollu, il-partit qal li minkejja d-diskorsi ta’ tifħir lejn il-voluntiera, il-politika pubblika baqgħet tonqos milli tagħti appoġġ reali lis-settur.

Fost il-proposti ewlenin, Momentum qed jipproponi li l-iskema ta’ tax rebates fuq donazzjonijiet tiġi estiża għal kull għaqda volontarja rreġistrata.

Il-partit qal li bħalissa din l-iskema hija limitata biss għal oqsma speċifiċi bħad-diżabilità, il-benesseri tal-annimali u l-arti, filwaqt li għaqdiet oħra li jaħdmu fil-qasam ambjentali, komunitarju jew kulturali jibqgħu esklużi.

Momentum sostna li “m’hemm ebda raġuni ġustifikata” għal din id-distinzjoni u qal li s-soċjetà ċivili m’għandhiex tiġi “klassifikata skont preferenzi ministerjali”.

Il-partit qed jipproponi wkoll riforma fit-tariffi tad-dawl għal meters mhux residenzjali, fejn sostna li taħt is-sistema attwali, organizzazzjonijiet żgħar volontarji qed jispiċċaw jissussidjaw lill-akbar operaturi kummerċjali.

Momentum qal li fil-prattika, każini tal-banda u għaqdiet lokali qed jgħinu jħallsu parti mill-kontijiet ta’ katini kummerċjali kbar minħabba kif inhi strutturata t-tariffa.

Il-partit qal li se jkun qed jinsisti fuq sistema aktar ġusta fejn il-benefiċċji jitqassmu b’mod aktar ekwu u mhux favur l-akbar konsumaturi tal-enerġija.

Fost il-miżuri proposti hemm ukoll sistema nazzjonali ta’ punti akkreditati għall-voluntiera reġistrati, marbuta ma’ tax credits u rikonoxximent formali fuq CVs.

Momentum qal li dan jagħti valur konkret lill-ħin u x-xogħol li jagħtu l-voluntiera fil-komunità.

Skont il-partit, żgħażagħ li jidħlu fid-dinja tax-xogħol ikunu jistgħu jibbenefikaw minn rikonoxximent uffiċjali tal-esperjenza volontarja tagħhom kif ukoll minn għajnuna finanzjarja matul l-ewwel snin tax-xogħol tagħhom.

Momentum sostniet li l-volontarjat ma għandux jibqa’ jitqies bħala passatemp li l-Istat “ikun grat għalih”, iżda bħala kontribuzzjoni reali lis-soċjetà li jistħoqqilha rikonoxximent formali.

Il-kandidat ta’ Momentum fit-tieni u t-tmien distrett, Dr Matthew Agius, qal li għal snin twal l-għaqdiet volontarji “ġew imfaħħra fid-diskorsi iżda minsija fil-politika”.

Huwa kkritika kemm lill-PL kif ukoll lill-PN talli, skont hu, jippożaw għar-ritratti waqt fundraisers iżda mbagħad iħallu lis-settur “jiġġieled għal kull ċenteżmu”.

“Il-voluntiera u l-għaqdiet tagħhom mhumiex servizz pubbliku b’xejn biex jiġi sfruttat,” qal Agius.

Huwa sostna li s-settur volontarju jistħoqqlu sistema ta’ taxxa, enerġija u rikonoxximent li finalment tittrattah b’mod ġust.

More in Elezzjoni 2026