Nitkellmu ma’ Ramona Attard

Ramona Attard, kandidata fuq is-6 u t-8 distrett f’isem il-Partit Laburista, tkellmet ma’ din il-gazzetta

Meta tħares lura lejn il-mandat tiegħek, x’tikkunsidra bħala l-aktar kisba sinifikanti fil-ministeru tiegħek, u x’impatt kellha fuq ħajjet in-nies? 

Jien kont co-opted fil-Parlament bħala Backbencher u ilni fil-Parlament minn Jannar tal-2025. Minkejja ż-żmien relattivament qasir, irnexxieli npoġġi fuq l-aġenda nazzjonali d-diskussjoni dwar riforma fil-homework li tippromovi bilanċ bejn il-ħin liberu tat-tfal u l-bżonn ta’ reviżjoni fid-dar, u fl-istess waqt tistimula l-bżonn li t-tfal jiżviluppaw il-ħsieb kritiku tagħhom u l-kreattività. Nemmen li t-tfal għandhom igawdu t-tfulija u l-familja tagħhom. 

Appellajt ukoll għal żieda fil-leave tal-maternità u dak tal-ġenituri. Minn pajjiż li kellu wieħed mill-inqas perjodi ta’ leave tal-maternità fl-Unjoni Ewropea, permezz tal-proposti elettorali tagħna issa se nkunu fost il-pajjiżi bl-aktar leave tal-maternità. Flimkien maż-żieda fil-leave tal-paternità u l-leave għall-ġenituri, dan ifisser li wara t-twelid ta’ tarbija, omm jew missier ikunu jistgħu jqattgħu sa massimu tal-ewwel sena tal-ħajja tat-tarbija magħha. Din hija bidla li tagħmel differenza reali fil-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. 

 

Meta tħares lura, hemm xi deċiżjoni li kont tieħu b’mod differenti? U kieku kellek l-opportunità terġa’ tieħu dik id-deċiżjoni, x’kont tbiddel? 

Fil-ħajja dejjem titgħallem u dejjem ikun hemm deċiżjonijiet li wara tħares lejhom b’mod differenti. Però jien persuna li nemmen li kollox jiġri għal raġuni. Minflok noqgħod nibki fuq xi ħaġa li stajt għamilt mod ieħor, nipprova nieħu l-pożittiv minn kull esperjenza u nitgħallem minnha biex inkompli nikber kemm personalment kif ukoll politikament. 

 

X’inhuma l-aktar tliet sfidi urġenti li se jaffaċċja l-pajjiż fil-ħames snin li ġejjin? 

L-ewwel nett, irridu niżguraw li l-ekonomija tibqa’ tikber b’mod sostenibbli. Ekonomija b’saħħitha hija l-bażi ta’ kollox, għax mingħajrha ma nkunux nistgħu nkomplu ninvestu fis-servizzi pubbliċi, fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fil-kura tal-anzjani tagħna. Fid-dawl tas-sitwazzjoni internazzjonali instabbli, ma nistgħux nieħdu l-istabbiltà ekonomika for granted. 

It-tieni sfida ewlenija hija t-traffiku, li ġej ukoll mit-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fil-karozzi fit-toroq. Il-Gvern qatt ma emmen li din il-problema għandha tissolva billi jiżdiedu l-liċenzji jew il-prezz tal-fuel. Minflok, investa f’inċentivi bħal trasport pubbliku b’xejn u servizzi tat-trasport pubbliku bil-baħar. Saru wkoll proġetti infrastrutturali importanti fl-Imrieħel, Ħal Luqa u l-proposta għall-flyover tal-Imrieħel lejn Ħaż-Żebbuġ li għandha ttaffi l-problema għar-residenti tas-Sitt Distrett. Nemmen li hemm bżonn aktar rotot frekwenti, aktar karozzi tal-linja li jidħlu fiċ-ċentri tal-irħula, u bus shelters moderni b’air conditioning u monitors li juru eżatt meta tasal il-karozza tal-linja. 

It-tielet sfida hija li nippreparaw lill-ġenerazzjonijiet futuri għall-bidliet teknoloġiċi u l-futur tax-xogħol. Għandna bżonn sistema edukattiva li tgħallem lit-tfal ħsieb kritiku, kreattività u ħiliet adattati għad-dinja moderna. Fl-istess waqt għandna bżonn aktar aċċessibilità fil-lokalitajiet tagħna għas-servizzi kollha, inkluż dawk bankarji, u għal min ma jistax jew ma jafx juza l-online apps.   

X’wasslek biex tikkontesta l-elezzjoni? 

Il-politika b’xi mod dejjem ġriet warajja aktar milli ġrejt warajha jien. Meta kont iddeċidejt li nieħu ftit pawsa mill-politika biex nikkonċentra fuq il-professjoni tiegħi wara li kelli t-tewmin, tliet xhur wara ġejt mitluba minn Robert Abela biex nikkontesta għall-kariga ta’ President tal-Partit, u għalhekk erġajt sibt ruħi fiċ-ċentru tal-politika. 

Meta ddeċidejt li nieqaf minn President tal-Partit, Robert Abela talabni biex niġi kooptjata bħala Membru Parlamentari. Però l-vera mument li kkonvinċieni naċċetta s-siġġu parlamentari u nikkontesta l-elezzjoni ġenerali kien messaġġ fuq WhatsApp minn mara li kienet tkellmet waqt il-Konferenza Ġenerali tal-aħħar elezzjoni. Hija kienet appellat għal bidliet fil-liġijiet tal-IVF — bidliet li wettaqna fl-ewwel mitt jum tal-leġiżlatura. Dakinhar kienet qaltli li kellha ħames xhur tqala. Illum għandha tifla. Dak il-messaġġ fakkarni kemm il-politika tista’ tagħmel differenza reali fil-ħajja tan-nies. 

Għaliex iddeċidejt li tikkontesta l-elezzjoni? 

L-opportunità li nħalli Malta aħjar, Malta lesta għall-futur għal uliedi u għat-tfal kollha Maltin u Għawdxin, hija dak li mmotivani l-aktar. 

Semmi kwistjoni li int partikolarment appassjonata dwarha, u għid għaliex? 

L-edukazzjoni hija tema li tassew napprezza u nħossni appassjonata dwarha. Nemmen li rridu nippreparaw lit-tfal għal futur li qed jinbidel malajr, billi nagħtuhom il-ħiliet li verament se jkollhom bżonn fil-ħajja u fid-dinja tax-xogħol. Fl-istess ħin, irridu niżguraw li t-tfal jibqgħu jgawdu t-tfulija tagħhom mingħajr pressjoni żejda. 

Barra mill-politika, kif tħobb tqatta’ l-ħin liberu tiegħek? 

Inħobb nqatta’ l-ħin mal-familja tiegħi, speċjalment f’xi mixja fil-kampanja fejn nista’ nirrilassa u nqatta’ ħin ta’ kwalità mal-għeżież tiegħi. 

More in Elezzjoni 2026