Nitkellmu ma’ Mark Camileri Gambin

Mark Camilleri Gambin, kandidat fuq it-3 u l-11-il distrett u Intraprenditur fis-settur teknoloġiku, jitkellem ma’ din il-gazzetta 

Għal min ma jafekx, min hu Mark Camilleri Gambin? 

Jien missier u intraprenditur fis-settur teknoloġiku, b’karriera mibnija fuq it-tfassil ta’ sistemi li jiffaċilitaw il-ħajja tan-nies permezz tal-loġika u l-effiċjenza. M’iniex politiku tipiku, imma bniedem li jħobb isolvi l-problemi. Nemmen li l-politika hija l-għodda biex nindirizzaw l-isfidi tal-lum b’mod prattiku, lil hinn minn slogans vojta, u bi “trasparenza radikali”. Bħala kofundatur u Segretarju Ġenerali ta’ Momentum, kif ukoll Deputat Segretarju Ġenerali tad-Demokratiċi Ewropej, il-mira tiegħi hi ċara: li nħalli lil Malta u Għawdex f’sitwazzjoni aħjar għall-ġenerazzjoni li jmiss. 

Inti kandidat għall-elezzjoni ġenerali. Fuq liema distretti se tikkontesta? 

Se nkun qed nikkontesta fuq it-Tielet u l-Ħdax-il Distrett. Dawn jinkludu l-Mosta, Ħ’Attard, Marsaskala, iż-Żejtun, Ħal Għaxaq u Marsaxlokk. 

Xi tħoss li huma l-ikbar sfidi li qed jaffaċċjaw in-nies f’dawn id-distretti u xi tħoss li tista’ tagħmel biex ittaffi t-tħassib tan-nies? 

L-akbar sfida li qed jaffaċċjaw ir-residenti kullimkien hija li dejjem qed jitpoġġew fil-ġenb sabiex minflok jingħataw prijorità l-interessi kummerċjali l-kbar. Essenzjalment, in-nies qed jiġu soffokati fil-lokalitajiet tagħhom stess, mingħajr l-ebda vuċi dwar kwistjonijiet li jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Din hija realtà li tinħass bil-kbir mhux biss fid-distretti tiegħi, iżda madwar Malta u Għawdex kollu. 

X’inhu li jiddistingwik minn kandidati oħrajn? 

L-esperjenza professjonali tiegħi ttini l-ħiliet prattiċi meħtieġa biex immexxi organizzazzjonijiet b’mod effettiv u nsolvi problemi reali. Barra minn hekk, il-partit Momentum ma jaċċettax fondi minn dawk l-istess entitajiet li r-regħba tagħhom ma tafx limiti, u għalhekk m’aħniex obbligati lejhom. Qed noffri perspettiva ġdida, flimkien ma’ approċċ nadif u ġenwin għas-soluzzjoni tal-problemi. Jien ukoll midħla ħafna tad-dinja tat-teknoloġija, u dan jippermettili napplika soluzzjonijiet moderni għall-isfidi tal-lum. 

Malta, gżira fil-Mediterran, spiss tkun id-destinazzjoni għall-immigrazzjoni irregolari. Taħseb li għandna nagħlqu l-fruntieri, jew nilqgħu lil kull minn jiġi? 

M’għandniex nagħlqu l-fruntieri, iżda lanqas ma nistgħu niftħu l-bibien beraħ għal kull min jasal. Bħalma hemm spjegat fil-manifest tagħna BidlaTaVera, għandna bżonn nistabbilixxu qafas għall-migrazzjoni li jkun ċar, uman, u msejjes fuq id-drittijiet fundamentali. Din is-sistema trid twaqqaf id-detenzjoni arbitrarja, filwaqt li tiggarantixxi li jkun hemm salvagwardji proċedurali xierqa għall-wasliet kollha. 

Taħseb li l-Amerka u Iżrael kellhom dritt u raġun jattakkaw lill-Iran? U l-Iżrael għandu dritt ikompli jattakka lil-Libanu u l-Palestina?  

Assolutament le għaż-żewġ mistoqsijiet. Kull nazzjon għandu d-dritt sħiħ li jiddefendi lilu nnifsu, imma m’għandu l-ebda dritt jinvadi pajjiż ieħor. L-istess kejl li ntuża b’mod korrett biex tiġi kkundannata r-Russja wara l-invażjoni tal-Ukrajna, għandu jiġi applikat bl-istess mod għall-aggressjonijiet li qed isiru minn Iżrael u mill-Istati Uniti. 

X’inhi l-pożizzjoni tiegħek fuq dawn? 

Kostruzzjoni vs spazji ħodor 

  • Speċjalment meta nitkellmu dwar l-iżviluppaturi l-kbar, is-sitwazzjoni tal-kostruzzjoni llum tinsab kompletament barra mill-kontroll. Hemm bżonn urġenti li niddiversifikaw l-ekonomija nazzjonali tagħna permezz ta’ industriji u innovazzjonijiet ġodda, biex b’hekk innaqqsu d-dipendenza qawwija li għandna fuq l-industrija tal-bini. 
  • Dwar l-ispazji ħodor, filwaqt li huwa dejjem pożittiv li noħolqu oħrajn ġodda, huwa ferm iktar kruċjali li nipproteġu u nissalvagwardjaw bil-qawwa dak il-ftit li għad fadlilna. Eżempju ċar huwa Forti Chambray, fejn aħna qed nipproponu li dan is-sit isir Park Nazzjonali ġewwa Għawdex. Sfortunatament, iż-żewġ partiti ewlenin it-tnejn jaqblu li din l-art tiġi żviluppata f’appartamenti lussużi. Momentum jinsisti wkoll dwar emenda kostituzzjonali sabiex jiġi pprojbit il-bejgħ ta’ art pubblika għal skopijiet kummerċjali, u biex il-kiri tagħha jkun limitat strettament bil-kundizzjoni assoluta li jiġu ppreservati l-istat, il-karattru, kif ukoll il-valur storiku, naturali jew ekoloġiku oriġinali tal-post. 

 

Immigrazzjoni u over-population 

  • L-isfida tal-popolazzjoni żejda hija konsegwenza diretta ta’ governanza ħażina, nuqqas ta’ ppjanar fit-tul, u infrastruttura inadegwata. Bħala Momentum, aħna qed nipproponu li l-paga minima tiżdied b’mod sostanzjali fuq perjodu ta’ erba’ snin. Dan se jgħin biex titnaqqas il-ħtieġa u d-dipendenza fuq ċittadini minn pajjiżi terzi (TCNs) għal xogħlijiet b’pagi baxxi. Qed nipproponu wkoll li jsir studju komprensiv dwar Carrying Capacity. Dan jippermettilna noħolqu kwoti speċifiċi għal kull settur, wara li ssir analiżi dettaljata tas-suq tax-xogħol li timxi ma’ prattiċi ta’ trasparenza internazzjonali u li tkun kompletament aċċessibbli għall-pubbliku. 

 

Traffiku u infrastruttura 

  • Minflok ma noqogħdu nistennew għexieren ta’ snin għall-proġett tal-metrò, li jġib miegħu tfixkil kbir u jiswa lill-poplu diversi biljuni ta’ ewro, aħna rridu nwettqu rivoluzzjoni immedjata fit-trasport billi nużaw b’mod aktar effiċjenti t-toroq u l-cabs eżistenti. Il-pjan tagħna huwa li l-apps tar-ride-hailing li diġà għandna jiġu aġġornati permezz ta’ intelliġenza artifiċjali għal servizz ta’ ride sharing. B’dan il-mod, passiġġieri li jkunu sejrin lejn l-istess direzzjoni jaqsmu l-istess vettura li tiġborhom mill-bieb tad-dar u twassalhom eżatt fejn jixtiequ. Sabiex naċċertaw ruħna li din l-għażla tkun orħos milli tuża l-karozza personali tiegħek, il-vjaġġi kondiviżi se jinżammu bi prezzijiet baxxi ħafna u affordabbli permezz ta’ sussidji. Minbarra dan, għandna proposti oħrajn li jinkludu t-tkabbir tal-flotta tal-karozzi tal-linja bi 300 vettura ġdida u l-irranġar tal-bus stops kollha biex ikollhom infrastruttura essenzjali bħal postijiet fejn tistkenn u fejn tpoġġi bilqiegħda. Dan kollu, b’effett immedjat u b’nefqa li ma taqbiżx il-biljun ewro. 

 

More in Elezzjoni 2026