‘Malta qed tegħreq fl-iskart’: Momentum jikkritika l-politika tal-iskart

Momentum qalet li Malta ma tistax tibqa’ tibni ekonomija li “tuża u tarmi”, hekk kif wissiet dwar iż-żieda fl-iskart, ir-rati baxxi ta’ riċiklaġġ u d-dipendenza fuq landfills u incinerators

Momentum qal li Malta trid “timxi bis-serjetà lejn ekonomija ċirkolari” hekk kif wissiet li l-pajjiż qed jiffaċċja kriżi dejjem tikber marbuta mal-iskart, il-landfills u l-mod kif qed jiġi ġġenerat il-konsum.

Fi stqarrija, il-partit qal li filwaqt li ħafna nies jitkellmu dwar boroż tal-iskart, ġranet tal-ġbir u rwejjaħ minn skart imħolli barra, ftit qed issir diskussjoni vera dwar għaliex Malta qed tipproduċi daqshekk skart fl-ewwel lok.

Momentum sostna li Malta adottat mudell ekonomiku li jippreżumi li dejjem se jkun hemm fejn jintrema l-iskart, minkejja li r-realtà hija differenti.

Il-partit irrimarka li fl-2024 Malta ġġenerat aktar minn 353,000 tunnellata ta’ skart muniċipali — żieda ta’ madwar 6% fuq is-sena ta’ qabel — b’medja ta’ 621 kilo skart għal kull resident, waħda mill-ogħla rati fl-Unjoni Ewropea.

Momentum qal ukoll li kważi tmienja minn kull għaxar tunnellati ta’ skart spiċċaw fil-landfills, filwaqt li r-riċiklaġġ għadu taħt il-20%, ferm ’il bogħod mill-mira Ewropea ta’ 55% li Malta diġà naqset milli tilħaq.

Il-partit ikkritika wkoll id-diskors dwar l-incinerator bħala “s-soluzzjoni”, filwaqt li sostna li ħafna drabi dawk l-aktar kontra dawn il-proġetti huma proprju r-residenti li jkollhom jgħixu viċin tagħhom.

Momentum qal li l-problema tal-iskart ma tieqafx biss mal-plastik jew l-imballaġġ, u rrimarkat li skont ċifri tal-Eurostat, Malta għandha waħda mill-ogħla rati ta’ ħela tal-ikel fl-Ewropa, b’madwar 162 kilo ikel moħli kull sena għal kull persuna.

Il-kandidat ta’ Momentum fuq ir-raba’ u l-ħames distrett, Dr Alastair Farrugia, qal li ekonomija ċirkolari tfisser sistema li tagħraf li r-riżorsi huma limitati u li l-ekonomija ma tistax tibqa’ tibni fuq mudell ta’ “uża u armi”.

Huwa qal li l-Unjoni Ewropea diġà adottat Circular Economy Action Plan li jagħti prijorità lill-prevenzjoni, l-irkupru, ir-ri-użu u r-riċiklaġġ aktar milli landfills jew incineration.

Skont Momentum, Malta ffirmaw fuq dawn il-prinċipji “fuq il-karta”, iżda fil-prattika għadha ma ġabitx ruħha bħal pajjiż li jemmen verament fihom.

Il-partit qal li l-manifest tiegħu “Bidla ta’ Vera” jipproponi roadmap ċara lejn “zero plastic”, li tibda b’projbizzjoni sħiħa fuq single-use plastics u tnaqqis gradwali tal-plastik fis-supermarkets permezz ta’ ftehim mal-importaturi, produtturi u retailers.

Momentum qed jipproponi wkoll it-tneħħija ta’ prodotti disposable minn ristoranti u fast food outlets, filwaqt li sostniet li industriji li jagħmlu profitti kbar għandhom ikunu jistgħu jsibu alternattivi aktar sostenibbli.

Fost il-miżuri msemmija hemm ukoll sistema nazzjonali biex titnaqqas il-ħela tal-ikel, aktar regolamenti kontra packaging bla bżonn u allinjament sħiħ tal-politika tal-iskart mal-pjan Ewropew tal-ekonomija ċirkolari.

Il-partit sostna wkoll li Malta għandha tieqaf tagħżel “is-soluzzjoni faċli” billi tpoġġi incinerators f’komunitajiet li għandhom “l-inqas piż politiku biex jirreżistu”.

Momentum qal li dawn il-proposti huma marbuta ma’ viżjoni ekonomika usa’ li trid tnaqqas id-dipendenza fuq il-kostruzzjoni u t-turiżmu u minflok tinvesti aktar f’oqsma bħar-riċerka, it-tiswija, l-innovazzjoni u clean technology.

Dr Farrugia qal li huwa sorprendut kemm il-kwistjoni tal-ekonomija ċirkolari kienet assenti mill-kampanja elettorali sa issa.

Huwa kkritika kemm lill-PL kif ukoll lill-PN talli qed jiffukaw fuq toroq ġodda, flyovers u proġetti infrastrutturali oħra, filwaqt li “għandhom ftit ħafna xi jgħidu dwar ekonomija sostenibbli”.

“Forsi għax biex tindirizza din il-problema bis-serjetà trid tistaqsi mistoqsijiet skomdi lill-istess nies li jiffinanzjaw il-magna politika,” temm jgħid Farrugia.

More in Elezzjoni 2026