“L-għażla li għandkom quddiemkom hija bejn Team Malta u xejn.” Dan kien il-messaġġ ċentrali tal-Prim Ministru Robert Abela waqt mass meeting tal-Partit Laburista fil-Victor Tedesco Stadium fil-Ħamrun nhar il-Ħadd filgħaxija.
Abela indirizza eluf ta’ partitarji Laburisti hekk kif il-partit kompla bil-kampanja elettorali tiegħu qabel l-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju.
Filwaqt li ppreżenta l-elezzjoni bħala għażla bejn kontinwità u inċertezza, Abela qal li Gvern Laburista wettaq il-wegħdi ewlenin tiegħu fosthom żidiet fil-pensjonijiet, żidiet fl-allowance tat-tfal, tax cuts u impenn dwar Manoel Island, White Rocks u Fort Campbell.
Il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għal diversi proposti fil-programm elettorali Laburista fosthom is-“super bonus”, miżuri favur il-pensjonanti, maternity u paternity leave itwal u mental health screening b’xejn.
Abela rrefera wkoll għat-tbassir ekonomiku tar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni Ewropea u qal li minkejja l-isfidi internazzjonali, Malta kompliet tirreġistra tkabbir ekonomiku b’saħħtu.
“Huma stess qalulna li Malta hija best in class,” qal Abela.
Huwa għamel diversi attakki fuq il-Partit Nazzjonalista u l-Kap tiegħu Alex Borg, fejn sostna li l-PN m’għandux tim kredibbli.
“L-għażla hija bejn tim kompetenti ta’ ministri li jafu x’qed jagħmlu u fuq in-naħa l-oħra ‘xejn’,” qal il-Prim Ministru.
Abela staqsa ripetutament min huma n-nies li Alex Borg jagħżel bħala t-tim tiegħu.
“Min hu t-team ta’ Alex Borg? Kull darba li ssirlu din il-mistoqsija jipprova jaħrab minnha. Intom tafu min hu t-team tagħna u tafu x’jagħmel,” qal Abela.
Huwa żied jgħid li Borg “lanqas jaf x’inhu fiscal forecast”.
Il-Prim Ministru reġa’ semma wkoll il-kummenti ta’ Alex Borg dwar l-IVF waqt dibattitu aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn il-Kap tal-PN kien qal li mhux kontra l-proċedura.
“Tħares lejn il-manifest tagħhom u xejn. Aħna rridu ngħinukom tibnu l-familji tagħkom,” qal Abela.
F’mument ieħor tad-diskors tiegħu, Abela staqsa direttament lill-partitarji: “Min tridu Prim Ministru, Alex Borg jew Robert Abela?”
Huwa temm id-diskors b’appell lill-partitarji biex jivvutaw kmieni u jikkonvinċu persuni indeċiżi.
“Ċemplu lill-ħbieb tagħkom u kkonvinċuhom,” qal Abela. “Nafu li hemm min weġġa’, imma għidulna biex nirranġaw. Ivvutaw kmieni u tħallux lil ħaddieħor jiddeċiedi l-futur tagħkom.”
Waqt il-mass meeting indirizza wkoll lill-partitarji l-Kummissarju Ewropew Glenn Micallef.
Micallef qal li Malta saret mudell għal “politika soċjalista fejn il-ġid jitqassam fost il-ħafna”.
Huwa qal li sar Kummissarju Ewropew għax Robert Abela “emmen fiż-żgħażagħ” u ma beżax jafda lill-ġenerazzjoni l-ġdida.
“Nista’ kont bqajt Brussell, imma jien ukoll ħassejt ir-responsabbiltà lejn pajjiżi,” qal Micallef.
Huwa temm billi appella lill-partitarji biex ikomplu jaħdmu għall-partit u jimmobilizzaw il-votanti.