Għajnejn il-partiti ewlenin qegħdin iffukati lejn in-numru ta’ votanti mhux miġbura f’kull distrett. Skont l-aħħar numri proviżorji, l-iktar distrett fejn ma nġabrux voti huwa dak tat-12-ildistrett b’16.8% jew 4,435 vot. L-iktar distrett fejn inġabru voti kien infatti r-raba’ distrett. F’termini ta’ distretti li fihom ma nġabrux voti, fuq quddiem insibu t-13-il distrett li fih ma nġabrux 4,441 vot. Isegwu mbagħad hemm l-10 distrett bi 3,578 vot, id-9 distrett b’2,800 vot, u l-1 distrett b’2,757 vot.
Minn 356,832 vot irreġistrat, 322,523 vot inġabru u 34,309 ma nġabrux. Jidher minn dawn in-numri li l-iktar distretti magħrufin bħala fortizzi Laburisti huma l-inqas bi problemi ta’ ġbir u dawk li huma magħrufin bħala fortizzi Nazzjonalisti huma bl-ikbar problemi ta’ ġbir ta’ voti.
Il-partiti jkunu jafu min ma jkunx ġabar il-vot jew le, u jkollhom ħjiel kif ivvutaw. Hekk kif ikunu jafu min baqa’ ma ġabarx il-vot ikollhom idea ta’ ċerti tendenzi jew direzzjonijiet ġenerali.Il-mistoqsijiet kurjużi: Iktar Laburisti ġabru l-vot jew inqas Nazzjonalisti? U viċiversa. U skont din l-informazzjoni jibdew l-ewwel indikazzjonijiet li huma ferm aktar determinanti mis-sondaġġi u l-analiżijiet kollha.
Fl-elezzjoni tal-2022 kien hemm 355,075 votant irreġistrat. Issa għal din l-elezzjoni hemm 356,832. Żieda żgħira kważi insinifikanti. Mit-355,075 votant, ivvutaw 304,050 jew 85.6% u kien hemm 8,802 vot invalidu jew 2.9%.
Sondaġġi diversi tat-Times, ta’ Marmara u tal-MaltaToday qed jgħidu li t-turnout ikun 86, 80 u 77 fil-mija rispettivament. Wieħed irid jara liema l-iktar figura hi reali. Inkunu naf nhar il-Ħadd għall-ħabta tan-12:30. U wieħed irid jara min ħa jitlef l-iktar jekk it-turnout ikun baxx.
Fl-aħħar elezzjoni ivvutaw 162,000 votant Laburist, 8,000 inqas mill-elezzjoni tal-2017 u 123,000 votant Nazzjonalist, 17,000 votant inqas mill-2017. It-tliet sondaġġi qed jagħtu l-Labour vantaġġ ta’ 30k, 29k u 17K. Imma osservaturi politiċi qed ibassru li jista’ jkun hemm is-sorpriżi!