Wasalna fl-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali tal-2026, u fiha rajna xmara ta’ proposti fiskali li kienu interessanti, kif ukoll oħrajn kemxejn sorpredenti.
Jidher li kien hemm diskussjoni serja fil-partiti. Jidher ukoll li ġew ingaġġati nies barra mill-partiti biex jaħdmu fuq il-proposti.
U kien hemm interess ġenwin biex jinstabu soluzzjonijiet għall-pajjiż f’dak li għandu x’jaqsam mat-traffiku, mal-popolazzjoni u mas-saħħa.
Imma mbagħad kien hemm il-bonanza ta’ għotjiet ta’ flus li ġew imxerrda ma’ kull demografija immaġinabbli, orġa ta’ għotjiet li kienu mmirati biss biex ‘jixtru’ l-vot ta’ dak u tal-ieħor.
Fl-isfond ta’ kriżi mondjali minħabba l-gwerra ma tantx deher li l-politiċi tagħna kienu qed ikunu attenti u kawti.
Mal-partiti ż-żgħar, l-ADPD u l-Momentum, kellna numru ta’ proposti li kienu msejsa fuq il-premessa li dawn jiġu eletti fil-parlament, ħaġa li ma tidhirx li se tiġri minħabba r-realtajiet elettorali. Kien għalhekk eżerċizzju inutli li juri kif il-Partiti ż-żgħar għadhom ma fehmux li f’dan il-mument kien jaqbel li jingħaqdu u jiffukaw fuq tema jew tnejn.
Min-naħa l-oħra, kurjużi kif se jmur Alex Borg, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’din l-elezzjoni. Meta tpoġġi lil Alex Borg ħdejn Simon Busuttil, Adrian Delia u Bernard Grech, tarah jibbrilla u jattirak bi kliemu u b’għemilu. Forsi m’għandux il-piż u l-esperjenza li għandu Robert Abela l-mexxej Laburista iżda joffri tama lil ħafna Nazzjonalisti u votanti oħra.
Il-mass meetings u r-rallies tal-PN ifakkruk f’episodji fil-passat meta l-PN kien b’saħħtu u popolari. U minkejja dak li qed jingħad fis-sondaġġi jidher li d-distakk se jonqos bejn il-PL u l-PN.
Imma kontrih hemm żewġ fatturi: tim b’saħħtu b’rekord twil, u fuq in-naħa l-oħra ekonomija vibranti u krexxenti. Dawn iż-żewġ fatturi jużahom Robert Abela biex jargumenta li l-Partit Laburista huwa l-iktar partit idoneu biex imexxi lil Malta.
Alex Borg min-naħa l-oħra jargumenta li dan il-pajjiż għandu bżonn nifs ġdid. U ma’ dan l-argument iżid li partit li ilu fil-gvern fuq 13-il sena għandu problema ta’ arroganza.
Nhar is-Sibt immorru nivvutaw. Inħeġġu lin-nies jivvutaw. Nifhmu li l-ebda partit ma jinkwadra fil-mod kif naħsbu. Imma li tivvota huwa dmir u saħansitra privileġġ.