Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-PN qed joffri “nifs ġdid” għall-pajjiż permezz ta’ viżjoni li tiffoka fuq il-kwalità tal-ħajja, l-ekonomija, is-saħħa u l-futur taż-żgħażagħ.
Waqt attività politika, Borg qal li l-pajjiż għandu bżonn mudell ġdid li jpoġġi lin-nies qabel in-numri ekonomiċi u sostna li ħafna familji qed iħossu l-pressjoni tal-għoli tal-ħajja minkejja t-tkabbir ekonomiku.
Huwa qal li Gvern Nazzjonalista jnaqqas il-kontijiet tad-dawl b’medja ta’ 30% minn Jannar u jneħħi kompletament il-meter rental charge.
Borg sostna li dawn il-miżuri jiġu ffinanzjati permezz ta’ investiment ta’ €60 miljun f’pannelli solari marbuta mal-grid nazzjonali.
Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar it-taxxa u qal li l-partit qed jipproponi tnaqqis fit-taxxa sabiex il-ħaddiema jkollhom aktar flus fil-but tagħhom.
Fuq il-housing, Borg irrefera għall-proposta tal-PN li l-Gvern iħallas nofs l-imgħax fuq self tad-djar għall-ewwel għaxar snin, filwaqt li l-limitu tal-iskema eżistenti tal-grants jiżdied minn €225,000 għal €450,000.
Borg qal ukoll li l-PN ineħħi t-taxxa tas-suċċessjoni, it-taxxa fuq donazzjonijiet u t-taxxa fuq il-wirt ta’ negozji tal-familja.
Fuq is-saħħa, il-Kap tal-PN wiegħed investiment akbar fis-servizzi mediċi u qal li Gvern Nazzjonalista jibni erba’ sptarijiet ġodda madwar Malta u Għawdex.
Huwa qal ukoll li l-istipendji għall-istudenti fil-qasam tas-saħħa fl-MCAST u l-Università jiżdiedu għal kważi €1,000 fix-xahar.
Borg sostna li hemm bżonn aktar investiment fi professjonijiet marbuta mas-saħħa biex aktar żgħażagħ jagħżlu dawn il-karrieri.
It-traffiku kien ukoll tema ewlenija fid-diskors tiegħu.
Borg qal li l-PN jibda l-proċess ta’ ppjanar u procurement għal sistema ta’ trasport tal-massa, filwaqt li aktar dettalji dwar ir-rotot u l-istazzjonijiet jitħabbru fil-jiem li ġejjin.
Huwa qal ukoll li l-PN qed jipproponi sistema ġdida relatata mal-liċenzji tal-karozzi, fejn persuni li jużaw il-karozza inqas iħallsu inqas.
Borg tkellem ukoll dwar l-ekonomija diġitali u qal li Malta għandha tinvesti aktar fl-intelliġenza artifiċjali, data u l-industrija spazjali.
Huwa sostna li dawn huma setturi li jistgħu joħolqu impjiegi ta’ kwalità għaż-żgħażagħ.
Il-Kap tal-PN appella wkoll lill-votanti indeċiżi sabiex jagħtu opportunità lil “ġenerazzjoni ġdida” fil-politika.
Huwa qal li l-elezzjoni mhix biss dwar il-partiti politiċi iżda dwar “liema pajjiż iridu jgħixu fih in-nies fis-snin li ġejjin.”
Borg sostna li l-PN irid jibni ekonomija li mhux biss toħloq il-ġid iżda wkoll tqassmu b’mod aktar ġust fost il-familji Maltin u Għawdxin.