Il-partit ADPD qal li l-isfidi ekonomiċi u soċjali li qed jiffaċċja l-pajjiż jeħtieġu soluzzjonijiet innovattivi mibnija fuq il-kollettività, il-parteċipazzjoni demokratika u l-ġustizzja soċjali.
Fi stqarrija maħruġa illum, il-partit qal li proposta ċentrali fil-programm tiegħu hija l-imbuttatura lejn mudell koperattiv fil-qasam tax-xogħol u l-imprenditorija, flok mudell ekonomiku ibbażat fuq individwaliżmu “li minnu jgawdu l-ftit”.
Il-kelliem u kandidat fuq it-tieni u t-tmien distrett elettorali Mario Mallia qal li ekonomija reżiljenti għandha tinbena fuq il-koperazzjoni u responsabbiltà mifruxa fost il-ħaddiema u l-komunitajiet.
Huwa sostna li l-koperattivi mhux biss isaħħu l-ekonomija lokali iżda wkoll “iseddaq ir-ruħ soċjali u komunitarja, l-inklużjoni u s-sostenibbiltà”.
Mallia qal ukoll li l-mudell koperattiv, li huwa mibni fuq prinċipji demokratiċi, jista’ jwassal għal aktar benesseri u dinjità għall-ħaddiema.
Fost il-proposti mressqa minn ADPD hemm emenda għall-Att dwar il-Banek sabiex koperattivi jingħataw id-dritt għal liċenzja bankarja.
Il-partit qal li dan jippermetti li l-mudell bankarju jkun ibbażat fuq il-membri tal-koperattiva u mhux fuq l-azzjonisti, filwaqt li jappoġġja intrapriżi soċjali, inizjattivi ħodor u koperattivi tal-housing.
ADPD qalet ukoll li fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea l-banek koperattivi jipprovdu madwar 30% tas-self lill-intrapriżi żgħar u medji.
Proposta oħra hija l-ħolqien ta’ Malta Co-Operatives Futures Fund b’investiment inizjali ta’ €5 miljun immexxi b’sħubija bejn Malta Enterprise, il-Malta Development Bank u l-Fond Ċentrali tal-Koperattivi.
Skont il-partit, dan il-fond jipprovdi kapital, garanziji u self b’interess baxx għal koperattivi li joperaw fl-ekonomija ħadra, kura fil-komunità u innovazzjoni diġitali.
ADPD qed tipproponi wkoll il-ħolqien ta’ koperattivi tal-housing mingħajr skop ta’ qliegħ sabiex l-akkomodazzjoni ssir aktar aċċessibbli, speċjalment għaż-żgħażagħ.
Il-partit qal ukoll li bini tal-Gvern li mhux qed jintuża għandu jiġi konvertit f’residenzi koperattivi.
Fost il-miżuri l-oħra msemmija hemm inċentivi għal koperattivi li jmexxu proġetti ta’ enerġija rinovabbli, ekonomija ċirkolari u produzzjoni sostenibbli tal-ikel.
ADPD trid ukoll li koperattivi, għaqdiet volontarji u gruppi komunitarji jingħataw preċedenza biex jipprovdu servizzi pubbliċi bħall-kura tal-anzjani, kliniċi fil-komunità, enerġija rinovabbli u servizzi lokali oħra qabel ma jinħarġu tenders kummerċjali.
Il-partit qed jipproponi wkoll koperattivi fl-edukazzjoni sabiex studenti, żgħażagħ u edukaturi jkollhom l-opportunità jesperjenzaw il-mudell koperattiv fil-ħajja tax-xogħol u fil-komunitajiet tagħhom.
ADPD sostniet li mudell koperattiv ta’ xogħol u imprenditorija jagħti lill-ħaddiema opportunità biex ikunu msieħba fid-deċiżjonijiet b’mod demokratiku filwaqt li jilħqu l-miri ekonomiċi u soċjali tagħhom.
“Ekonomija bbażata fuq il-kunċett ta’ ‘ilkoll’ tagħti garanzija akbar ta’ innovazzjoni, reżiljenza u ġustizzja soċjali,” qal il-partit.