Il-Partit Laburista reġa’ tenna l-viżjoni tiegħu li jkun “preżenti f’kull stadju tal-ħajja tan-nies”, waqt attività politika li rat lill-mara tal-Prim Ministru Lydia Abela, kif ukoll lid-Deputati Mexxejja Ian Borg u Alex Agius Saliba, jindirizzaw lill-partitarji.
Matul l-attività, il-PL enfasizza sensiela ta’ proposti marbuta mal-familji, is-saħħa mentali u ż-żgħażagħ, filwaqt li sostna li dawn jibnu fuq miżuri li diġà ġew implimentati fl-aħħar snin. Lydia Abela tkellmet dwar l-importanza li aktar nisa jidħlu u javvanzaw fid-dinja tax-xogħol, filwaqt li semmiet inizjattivi bħaċ-childcare b’xejn u għajnuniet oħra introdotti mill-gvern Laburista.
Abela saħqet ukoll fuq il-ħtieġa li s-saħħa mentali tingħata l-istess importanza bħas-saħħa fiżika, u appellat biex il-kura mentali tkun aktar normalizzata fis-soċjetà. Hija sostniet li l-isfidi mentali għandhom jiġu identifikati minn età bikrija sabiex it-tfal jingħataw l-appoġġ meħtieġ fil-ħin.
Id-Deputat Mexxej Ian Borg iddeskriva lit-tim elettorali Laburista bħala wieħed enerġetiku u determinat biex ikompli bil-programm tal-partit. Huwa indirizza wkoll lill-eks ministri Edward Zammit Lewis u Clayton Bartolo, li kienu preżenti għall-attività, u qal li jemmen li “l-karriera pubblika tagħhom għadha ma spiċċatx”.
Min-naħa tiegħu, Alex Agius Saliba irrefera għal diversi miżuri introdotti fl-aħħar snin, fosthom żidiet fil-pensjonijiet, fl-istipendji tal-istudenti u skemi ta’ għajnuna għall-first-time buyers. Huwa sostna li l-proposti attwali tal-PL huma kontinwazzjoni tal-politika soċjali li l-partit ilu jimplimenta tul il-leġiżlaturi preċedenti.
Fost il-proposti li l-PL diġà ħabbar għall-elezzjoni ġenerali tal-2026 hemm żieda fil-pensjonijiet, bonus ta’ €5,000 għal kull tarbija, estensjoni tal-leave tal-ġenituri u eżenzjoni mit-taxxa għal żgħażagħ li jidħlu fid-dinja tax-xogħol.