“Ħa nissalvagwardjaw id-delizzji ta’ pajjiżna.”
Dan kien wieħed mill-messaġġi ewlenin tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt attività politika fl-Imqabba nhar l-Erbgħa filgħaxija, fejn sostna li Gvern Nazzjonalista se jibqa’ jiddefendi t-tradizzjonijiet, il-festi u d-delizzji li jagħtu identità lill-poplu Malti.
Waqt li kien qed jindirizza lill-partitarji fil-lokalità tan-naħa t’isfel ta’ Malta, Borg qal li l-għaqdiet volontarji għandhom rwol kruċjali biex iżommu ħajja l-kultura u t-tradizzjonijiet Maltin, partikolarment f’irħula bħall-Imqabba fejn il-festi, il-kaċċa u diversi delizzji tradizzjonali għadhom parti importanti mill-ħajja tal-komunità.
Huwa qal li l-Imqabba għadha magħrufa bħala waħda mil-lokalitajiet fejn il-parteċipazzjoni fil-festi u d-delizzji tradizzjonali tibqa’ waħda mill-aktar b’saħħitha fil-pajjiż.
“Mqabba huwa raħal b’passjoni kbira għad-delizzji u għall-festi. Dawn huma tradizzjonijiet kulturali u reliġjużi li għandhom għeruq profondi fil-komunitajiet tagħna,” qal Borg.
Huwa qal li kull fejn imur jiltaqa’ ma’ nies li għandhom imħabba kbira għad-delizzji tagħhom.
“Kemm-il darba żort dawn in-naħat, dħalt f’każini, djar u garaxxijiet fejn id-delizzji tarahom u tmisshom,” qal il-Kap tal-PN.
Borg ċaħad ukoll l-idea li l-PN huwa kontra ċerti delizzji jew passatempi, u insista li taħt amministrazzjoni Nazzjonalista n-nies se jkomplu jgawdu l-attivitajiet tagħhom.
“Ħa nagħmilha ċara — dak li hu tagħkom se żżommuh,” qal Borg fost ċapċip mill-partitarji preżenti.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-programm elettorali tal-PN jinkludi diversi miżuri biex jgħinu lill-għaqdiet volontarji u lill-NGOs.
Fost il-proposti msemmija kien hemm tnaqqis ta’ madwar 15% fil-kontijiet tad-dawl, it-tneħħija tal-kera tal-arloġġ tad-dawl, rifużjoni sħiħa tal-VAT lill-għaqdiet volontarji u tax credits fuq donazzjonijiet lil NGOs sabiex jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet lejn dawn l-għaqdiet.
Borg qal ukoll li NGOs eliġibbli li joperaw minn proprjetajiet mikrija mingħand il-Gvern se jingħataw l-opportunità li jixtru dawk il-proprjetajiet.
Huwa argumenta li ħafna għaqdiet investew riżorsi kbar biex iżommu dawn il-postijiet u jservu lill-komunità matul is-snin.
Il-kummenti ta’ Borg jiġu wkoll wara kontroversja li nqalgħet f’Ottubru li għadda meta emenda kostituzzjonali mressqa mill-Oppożizzjoni biex tissaħħaħ il-protezzjoni ambjentali kienet iltaqgħet ma’ reazzjoni minn diversi għaqdiet u lobby groups li kienu esprimew tħassib dwar il-kliem użat fl-abbozz.
Matul id-diskors tiegħu, Borg ippreżenta lill-Partit Nazzjonalista bħala partit “imġedded” u lest biex jiggverna.
“Partit imġedded fl-ideat. Partit imġedded fil-komunikattiva. Partit imġedded b’ġenerazzjoni ta’ politiċi ġodda,” qal Borg, filwaqt li sostna li l-PN għandu tim ta’ kandidati “lest biex jagħti nifs ġdid lill-pajjiż.”
Il-Kap tal-PN qal li l-programm elettorali tal-partit jitkellem dwar il-ħajja tan-nies u l-futur tal-familji Maltin u Għawdxin.
“Qed nitkellmu dwar il-ħajja tan-nies. Dwar il-familji Maltin u Għawdxin. Dwar futur aħjar għal uliedna,” qal Borg.
Huwa sostna li ħafna nies illum qed iħossu li minkejja li qed jaħdmu aktar, il-kwalità tal-ħajja tagħhom marret lura.
“Qed naħdmu aktar… imma qed ngħixu agħar,” qal Borg, hekk kif attakka lill-Gvern dwar il-pressjoni li skontu qed iħoss il-poplu.
Fost il-proposti li semma kien hemm il-bini ta’ sptarijiet ġodda, mediċini tal-kanċer b’xejn, tnaqqis fit-taxxa personali u dik tal-kumpaniji, it-tneħħija tat-taxxa tas-suċċessjoni u tat-taxxa fuq donazzjonijiet ta’ proprjetà, kontijiet tad-dawl orħos u introduzzjoni ta’ sistema ta’ trasport tal-massa sabiex “in-nies jieħdu ħinhom lura”.
Borg qal ukoll li l-PN irid pajjiż li jqiegħed “il-kwalità tal-ħajja qabel il-kwantità”.
Lejn tmiem id-diskors tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel appell lill-indecizi u lil dawk li qed jaħsbu biex ma joħorġux jivvutaw.
“Tħallux lil ħaddieħor jagħżel għalikom,” qal Borg, filwaqt li sostna li l-pajjiż għandu bżonn direzzjoni ġdida u politika aktar qrib in-nies.
Matul l-attività tkellmu wkoll il-kandidati tal-ħames distrett Anthony Bezzina, Duncan Borg Myatt, Miriana Calleja Testaferrata De Noto, Stefan Caruana, Oliver Cini, Stanley Zammit u Owen Sciberras.
Min-naħa tiegħu, Conrad Borg Manché tkellem dwar il-bżonn ta’ “nifs ġdid” fil-pajjiż u qal li jaf sew it-track record tal-Partit Laburista peress li kien jagħmel parti minnu.
Madankollu, huwa sostna li minkejja dan “dejjem żammewni ’l bogħod miċ-ċentru”, filwaqt li qal li llum jemmen li Malta għandha bżonn direzzjoni politika differenti u politika aktar qrib in-nies.