ADPD-The Green Party ippropona l-introduzzjoni ta’ Universal Basic Income bħala proġett pilota għall-komunità kreattiva, filwaqt li sostniet li l-industriji kreattivi għandhom jitqiesu bħala pilastru importanti tal-iżvilupp tal-pajjiż u mhux biss bħala settur ta’ divertiment.
Fi stqarrija dwar il-kultura u l-arti, il-partit qal li l-artisti għandhom jingħataw status professjonali li jiggarantilhom kundizzjonijiet diċenti, protezzjoni soċjali u aċċess għall-pensjonijiet u benefiċċji.
ADPD sostniet li l-artisti għandhom jiġu rikonoxxuti bħala ħaddiema kulturali li jagħtu kontribut konkret lis-soċjetà u lill-ekonomija.
Il-partit qal li ħafna artisti Maltin qed jaffaċċjaw kundizzjonijiet diffiċli fosthom pagi baxxi, nuqqas ta’ fondi adegwati u nuqqas ta’ rispett lejn il-professjoni artistika.
Skont ADPD, għadha teżisti mentalità li tqis lill-artisti bħala persuni li għandhom “hobby” aktar milli xogħol serju.
Il-partit talab ukoll għat-tneħħija sħiħa ta’ interferenza politika eċċessiva fil-finanzjament tal-arti u sostna li soċjetà demokratika m’għandhiex tibża’ mill-espressjoni artistika, partikolarment meta suġġetti jitqiesu kontroversjali jew sensittivi.
ADPD qal li l-istat għandu jiffinanzja l-kultura mingħajr ma jipprova jikkontrolla n-narrattiva artistika jew jippremja biss lil dawk qrib il-poter.
Il-partit ippropona wkoll indipendenza vera għall-Arts Council Malta permezz ta’ ħatriet trasparenti fuq bordijiet u ġuriji bbażati fuq kompetenza kulturali u esperjenza aktar milli lealtà politika.
“Il-kultura u l-arti mhumiex skuża għall-propaganda tal-ministri u l-aġenziji tal-gvern,” sostna l-partit. “Huma fil-qalba tal-identità ta’ Malta u spazju biex is-soċjetà tifhem lilha nnifisha.”
ADPD appella wkoll għal sistema ta’ finanzjament aktar ġusta u aċċessibbli li tagħti prijorità lill-artisti, kollettivi kulturali u proġetti komunitarji, b’enfasi partikolari fuq dawk indipendenti u emerġenti.
Il-partit wiegħed ukoll aktar investiment fl-edukazzjoni kreattiva permezz ta’ aktar arti, mużika, teatru u media literacy fl-iskejjel.
Fost il-proposti kien hemm ukoll il-kunċett tal-“15-minute city”, fejn residenti jkollhom aċċess qrib lejn servizzi essenzjali u esperjenzi kulturali.
Skont ADPD, dan iwassal għal lokalitajiet aktar vibranti, aktar spazji pubbliċi u aktar koeżjoni komunitarja.
Il-partit issuġġerixxa wkoll li bini pubbliku vojt jinbidel fi spazji kulturali miftuħa bħall-istudios, spazji għall-wirjiet, teatru u creative hubs għall-komunitajiet lokali.
ADPD qal li l-politika kulturali għandha tkun marbuta mal-kwalità tal-ħajja, spazji pubbliċi ta’ kwalità u l-protezzjoni tal-wirt storiku.
Il-partit talab ukoll aktar awtonomija għall-kunsilli lokali fl-għażla ta’ attivitajiet kulturali li għandhom jiġu finanzjati, filwaqt li sostna li l-kontroll kontinwu tal-Gvern ċentrali wassal biex l-istess programmi jiġu ripetuti sena wara sena.
ADPD appella wkoll għad-deċentralizzazzjoni tal-kultura b’investiment aktar serju f’Għawdex u f’lokalitajiet differenti, aktar milli biss fil-Belt Valletta jew f’avvenimenti magħżula minn ministeri u segretarjati parlamentari.
Dwar is-settur tal-films, il-partit qal li Malta għandha tmur lil hinn milli tkun biss post ta’ servizz għal produzzjonijiet barranin.
ADPD ippropona li produzzjonijiet barranin li jirċievu għajnuna mill-Gvern ikunu obbligati jħarrġu u jimpjegaw professjonisti kreattivi Maltin.
Il-partit sostna wkoll li d-deċiżjonijiet kreattivi għandhom jibqgħu f’idejn talent Malti u li ħaddiema lokali għandhom jingħataw opportunitajiet reali f’pożizzjonijiet ewlenin bħall-kitba, fotografija u direzzjoni artistika.
Il-kandidat tal-ADPD Luke Caruana qal li hemm wisq artisti u kreattivi li qed iħossuhom emarġinati filwaqt li fondi kulturali u pjattaformi qed jintużaw biex jittejjeb l-immaġni tal-politiċi.
“Meta attivitajiet kulturali jsiru opportunità ta’ publicity għall-politiċi minflok investiment serju fil-komunità artistika, tintilef il-kultura u tintilef ukoll il-fiduċja fis-sistema,” qal Caruana.