Ismek u f’liema distretti se tikkontesta?
Franco Mercieca, u din id-darba se nkun qed nikkontesta fuq it-12-il distrett biss.
Semmi tliet prijoritajiet personali għal Malta għall-ħames snin li ġejjin?
Iżjed kwalità, iżjed kwalità kif ngħixu, iżjed kwalità f’dak li nagħmlu.
Iżjed protezzjoni. Iżjed protezzjoni ta’ dak li jagħmilna Maltin, iżjed protezzjoni tas-sbuħija tal-gżejjer tagħna. Iżjed protezzjoni għal dawk minna li huma vulnerabbli.
Iżjed edukazzjoni. Nemmen li edukazzjoni robusta twassal għal health outcomes aħjar, fuq livelli personali, saħħa fiżika u anke mentali, imma anke professjonali.
Kif se tindirizza l-isfidi ewlenin li qed jaffaċċja d-distrett tiegħek illum?
Naħseb l-akbar sfida li smajt fuqha hija l-aċċessibbiltà u kif se ntejbu l-ambjent fejn wieħed jgħix u jirrikrea ruħu. Allura żgur li l-ġlieda prinċipali tiegħi se tkun għal investiment robust li jixraq lil din il-parti tal-pajjiż li tikkontribwixxi ħafna għall-prodott Malti li noffru lil miljuni ta’ viżitaturi tagħna.
In-nies ta’ din il-parti ta’ gżira jħossuhom ftit maqtugħa miċ-ċentru u għalhekk ċerti servizzi, speċjalment tas-saħħa, għandna dmir li ntejbuhomlhom.
X’ispirak biex tidħol fil-politika?
Inħossni obbligat li nagħti lura. Jispirani missieri għax dejjem ġab il-ġid komuni qabel dak personali.
Għalfejn il-kostitwenti għandhom jivvutawlek?
Mistoqsija diffiċli. Imma naħseb għax min jafni, jaf li se jsibni meta jkollu bżonn.
Bħala kandidat, x’ideat ġodda se ġġib fis-sistema politika Maltija?
Iżjed milli idea, prinċipju. Qabel il-personali, ejja naħsbu fil-kollettiv. Fl-opinjoni tiegħi sirna wisq egoistiċi u ta’ dan qed iħallas prezz il-bene komuni. In-nostalġija li għandna għal pajjiżna ta’ snin mgħoddija żgur mhux għaliex kellna iżjed affarijiet materjali, imma għaliex kellna komunitajiet iżjed b’saħħithom u ħadd ma kien numru.
X’inhuma l-aktar tliet sfidi urġenti li se jaffaċċja l-pajjiż fil-ħames snin li ġejjin?
Attività elevata li qed toħloq pressjoni fuq kif ngħixu, kif ukoll fuq l-infrastruttura tagħna. Irridu nikkonċentraw fuq kwalità u mhux kwantità f’dak kollu li nippjanaw.
Xenarju internazzjonali instabbli li bilfors joħloq turbolenza li twassal għal pajjiż gżira bħal tagħna biex jaffaċċja sfidi doppji. Nemmen li l-UE għandha tieħu rwol iżjed ċentrali u titkellem b’vuċi iżjed soda.
Inkomplu ntejbu s-sisien tal-ekonomija tagħna filwaqt li nsibu dak il-bilanċ kritiku bejn il-progress u l-protezzjoni ta’ artna. Żgur li kulħadd minna jixtieq iħalli pajjiż aħjar lil uliedna.
X’ġiegħlek tikkontesta l-elezzjoni?
Ħafna telefonati u sens ta’ responsabbiltà u lealtà.
Semmi kwistjoni li int partikolarment appassjonat dwarha, u għaliex?
Il-karattru lokali. Għandna nagħmlu minn kollox biex nippreservaw dak li jagħmilna Maltin u Għawdxin, dak li jagħmilna distinti, mil-lingwa, sal-kultura u anke t-tradizzjonijiet. Jekk ma nħarsux dawn, insiru biss parti minn dinja wisq globalizzata.
Barra mill-politika, kif tħobb tqatta’ l-ħin liberu tiegħek?
Nimxi fil-kampanja, daqsxejn inbid tajjeb, nargumenta ma’ ħbieb u nsegwi ħafna l-isports, speċjalment il-futbol. Il-Juventus huma l-first love tiegħi.