Robert Abela jappella lill-votanti biex ma jibqgħux lura milli jivvutaw

Il-Prim Ministru Robert Abela appella lill-votanti indeċiżi u lil dawk li għadhom ma ġabrux id-dokument tal-vot biex jipparteċipaw fl-elezzjoni, filwaqt li sostna li l-pajjiż jinsab quddiem għażla kruċjali għall-futur tiegħu

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela appella lill-votanti li normalment ma jivvutawx jew li għadhom indeċiżi sabiex jipparteċipaw fl-elezzjoni ġenerali, u sostna li Malta tinsab “ftit jiem bogħod minn għażla kruċjali” li se tiddetermina d-direzzjoni tal-pajjiż.

Waqt attività politika fil-Mosta nhar it-Tlieta filgħaxija, Abela sostna li l-Partit Laburista għandu rekord ippruvat u pjan sostenibbli li jipproteġi l-ekonomija filwaqt li jilħaq il-miri fiskali tal-pajjiż.

Il-Prim Ministru qal li l-PL huwa l-uniku partit kapaċi joħloq il-ġid u sostna li mill-2013 ’l hawn il-Gvern Laburista ttrippla d-daqs tal-ekonomija Maltija filwaqt li naqqas id-dejn u niżżel id-defiċit għal taħt it-3%.

F’attakk lejn il-Partit Nazzjonalista, Abela qal li dawk li “ma jifhmux il-kunċett ta’ fiscal forecast” ma jistgħux jiġu fdati b’ekonomija ta’ €25 biljun u budget ta’ €9.3 biljun.

Huwa sostna li din l-elezzjoni hija aktar minn qatt qabel “kwistjoni ta’ kredibilità u kompetenza”.

“Intom tafu lil Clyde, tafu lil Silvio, tafu lil Ian Borg, tafu lil Miriam Dalli u tafu lill-oħrajn kollha wkoll,” qal Abela. “Miegħi żammew lil dan il-pajjiż stabbli.”

B’referenza għall-kriżijiet internazzjonali li għaddejjin bħalissa, Abela qal li min ma jivvutax ikun qed “jiftaħ il-bibien ta’ Kastilja” għal persuni li, skontu, m’għandhomx ir-responsabbiltà meħtieġa biex imexxu l-pajjiż.

Il-Prim Ministru enfasizza wkoll li ġenerazzjonijiet preċedenti ħadmu bis-sħiħ biex jinkiseb id-dritt tal-vot u appella lil dawk li għadhom ma ġabrux id-dokument tal-vot biex jagħmlu dan.

Qabel id-diskors ta’ Abela, il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima attakka lill-PN u qal li l-partit qed jipprova “jieħu lill-pajjiż lura lejn il-passat” bi proposti li, skontu, la huma costed u lanqas mifhuma sew.

Grima semma xogħlijiet li bħalissa qed isiru f’istituzzjonijiet edukattivi fin-Naxxar, il-Mellieħa, Ħal Qormi, Kerċem, iż-Żebbuġ u l-Għarb, apparti skejjel oħra li għaddejjin minn xogħlijiet ta’ ristrutturar.

Dwar l-isport, il-Ministru qal li l-atleti Maltin qed jirnexxu fuq livell internazzjonali grazzi għall-investiment li sar fis-settur.

Huwa sostna li dan is-suċċess mhuwiex koinċidenza u semma investiment ta’ €120 miljun fl-infrastruttura sportiva.

Grima irrefera wkoll għall-iskema eżistenti li tagħti aċċess b’xejn għall-gym għaż-żgħażagħ u ħabbar li l-pass li jmiss huwa li jiġu estiżi l-lezzjonijiet tal-għawm b’xejn għat-tfal permezz ta’ Sport Malta.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo qal li Malta u Għawdex illum huma “kompletament differenti” minn kif kienu 13-il sena ilu.

“Hemm memorja fost in-nies. Tiftakar l-inċertezza, tiftakar il-qgħad u tiftakar pajjiż li kien jibża’ mill-futur,” qal Refalo.

Huwa sostna li għall-Partit Laburista l-ekonomija mhijiex biss dwar il-ġid iżda wkoll dwar il-kwalità tal-ħajja.

Refalo qal ukoll li minkejja li Għawdex illum jiġġenera aktar minn €1 biljun fis-sena, il-gżira rnexxielha żżomm il-kultura u l-identità tagħha.

More in Elezzjoni 2026