Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar proposta ġdida fejn il-ħlas tal-liċenzja tal-vetturi jkun ibbażat fuq kemm karozza tintuża matul is-sena.
Waqt attività politika, Borg spjega li taħt skema volontarja proposta mill-PN, vetturi li jagħmlu sa 500 kilometru fis-sena ma jħallsu ebda liċenzja.
Karozzi li jagħmlu bejn 500 kilometru u 5,000 kilometru fis-sena jħallsu rata mnaqqsa fuq sliding scale li ma taqbiżx it-80% tal-liċenzja attwali.
Min-naħa l-oħra, dawk li jagħmlu aktar minn 5,000 kilometru fis-sena jibqgħu jħallsu bir-rati normali tal-lum.
Borg qal li bħalissa l-medja nazzjonali ta’ sewqan hija ta’ ftit aktar minn 7,000 kilometru fis-sena, u sostna li l-għan tal-proposta huwa li din tinżel għal madwar 5,000 kilometru fis-sena sabiex jitnaqqsu t-traffiku, it-tniġġis u problemi respiratorji.
“Din hija waħda mill-ftit miżuri li fuq terminu qasir tista’ tgħin biex tittaffa l-problema tat-traffiku li ħolqu oħrajn,” qal Borg.
Huwa żied jgħid li għal dawk li ma jagħżlux li jidħlu fl-iskema, il-liċenzji ma jiżdidux taħt Gvern Nazzjonalista.
Il-Kap tal-PN ikkritika wkoll wegħdi li saru fil-passat dwar it-traffiku, fosthom il-proposta tal-metro.
“Erba’ snin ilu qalulna li ġej il-metro. Kien hemm il-branding, il-marketing u ntefqu flus fuq il-marketing, imma fuq il-proġett innifsu ma kienu se jonfqu xejn,” qal Borg.
Huwa sostna wkoll li l-proposta “Malta in Motion” se teħtieġ ħames snin oħra ta’ studji, filwaqt li qal li “il-billboards għadhom hemm u fuq il-billboards se jibqgħu”.
Borg ħabbar ukoll li għall-ewwel darba l-PN nieda pjattaforma online ibbażata fuq l-intelliġenza artifiċjali fejn il-votanti jistgħu jistaqsu liema proposti tal-manifest jolqtuhom direttament.
“Dan huwa l-mod innovattiv u diġitali kif il-Partit Nazzjonalista qed juri li miexi lejn era diġitali anke mill-Oppożizzjoni,” qal Borg.
Huwa appella lis-supporters biex ikomplu jikkonvinċu lill-votanti indeċiżi qabel l-elezzjoni tat-30 ta’ Mejju.
“Mhux bil-kandidati biss se naslu. Imma magħkom magħna se naslu,” sostna.
Fost proposti oħra msemmija minn Borg kien hemm tnaqqis medju ta’ 30% fil-kontijiet tad-dawl minn Jannar ’il quddiem u t-tneħħija sħiħa tal-meter rental charge permezz ta’ investiment ta’ €60 miljun fil-pannelli solari konnessi mal-grid nazzjonali.
Huwa qajjem ukoll tħassib dwar il-kuntratt tal-provvista tal-gass, li qal se jiskadi mingħajr ma tħabbret sostituzzjoni tiegħu.
Dwar il-housing, Borg irrefera għall-proposta tal-PN biex il-Gvern iħallas nofs l-imgħax fuq home loans għall-ewwel għaxar snin u biex il-limitu tal-iskema tad-depożitu jiżdied minn €225,000 għal €450,000.
Fil-qasam tas-saħħa, huwa wiegħed stipendji ta’ €1,000 fix-xahar għal studenti fil-qasam mediku u l-bini ta’ erba’ sptarijiet ġodda f’Malta u Għawdex.
Borg semma wkoll il-proposta biex jitneħħew it-taxxi fuq il-wirt, id-donazzjonijiet u t-trasferiment ta’ negozji tal-familja.
Huwa qal ukoll li Gvern Nazzjonalista jrid jiżviluppa setturi ekonomiċi ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali, id-data u l-industrija spazjali, filwaqt li rrimarka li s-settur spazjali jiġġenera €78 biljun madwar l-Ewropa.