Nitkellmu ma’ Lorna Borg

Lorna Borg Vassallo, kandidat tal-Partit Laburista fuq id-9 u l-10 distrett, tkellmet ma’ din il-gazzetta 

Semmi tliet prijoritajiet personali għal Malta għall-ħames snin li gejjin? 

- Turiżmu sostenibbli, żvilupp kontrollat, rikonoxximent tal-interessi tar-residenti 

- Iktar leave għal nies li jgħixu waħedhom inklużi bit-tfal 

- Drittijiet tan-nisa, irġiel u sħab indaqs ta’ vera fiż-żwieġ 

Kif se tindirizza l-isfidi ewlenin li qed jaffaċċja d-distrett tiegħek illum? 

- iktar rinfurzar, ippjanar u disinn mill-ġdid ta’ ċerti żoni turistiċi skont l-esiġenzi tal-lum 

- residenti jiġu kkumpensati b’mod minimu imma raġonevoli għal inkonvenjent ikkawżat minn żvilupp kbir wara li l-iżviluppatur jingħata period of grace raġonevoli u ġenereruż 

- residenti tal-madwar ikkumpensati wara li jsir żvilupp kbir b’użu ta’ parkeġġ b’xejn privileġġjat għalkemm mhux riservat fil-lukanda/blokka li t/jinbena sabiex residenti jqisu l-iżvilupp bħala opportunità ġdida ta’ parkeġġ sikur minflok teħid ta’ parkeġġ. Jiġi stabbilit ċirku ta’ ġirien li jibbenefikaw u l-parkeġġ privileġġjat ma jkunx garantit biss f’każ li l-lukanda/blokk t/ikun mimli/ja. Mhux 365/6 kull sena iżda b’xejn u meta disponibbli. 

- inkoraġġiment u inċentivi finanzjarji/fiskali attraenti ħafna li jekwiparaw dħul minn kera għal żmien twil lil sidien privati li jipprovdu bini/żoni għall-parkeġġi flok residenzi/lukandi 

X’ispirak biex tidħol fil-politika? 

Missieri li kien ukoll kandidat u dejjem ħeġġiġni nkun attiva. U l-korsijiet tal-liġi u l-istudji Ewropej li tista’ tgħid huma l-bażi tal-politika. 

Għalfejn il-kostitwenti għandhom jivvutawlek

Għax nagħti prijorità l-kuntatt man-nies u nibda nsegwi l-każ sal-aħħar, kemm jista’ jkun sakemm jiġi solvut. Għaliex nista’ noffri esperjenza twila fil-politika u diplomazija, studju teoretiku fil-qasam tal-liġi u l-istess politika u l-Istudji Ewropej/Internazzjonali, u nsegwi mudelli politiċi u ekonomiċi ta’ pajjiżi differenti Ewropej bħal Franza u l-Ġermanja apparti l-Ingilterra. Naħseb ukoll li l-kostitwenti għandhom jivvutawli għax naħseb ukoll f’min hu waħdu u nemmen li huwa ferm diffiċli tgħix waħdek.  

Bħala kandidata, x’ideat ġodda se ġġib fis-sistema politika Maltija? 

Jiena persuna midħla tal-qasam legali b’esperjenza fit-turiżmu u l-edukazzjoni. Barra minn hekk ilni iktar minn 23 sena attiva politikament u bħala ġurnalista. Dawn il-kwalitajiet nemmen li jgħinuni nara l-isfidi li Malta qiegħda jew tista’ taffaċċja b’lenti aktar ħolistika. Bis-saħħa tal-lingwi li nifhem u nitkellem, mill-banda l-oħra m’iniex kostretta dejjem inħares lejn pajjiżi li jitkellmu bl-Ingliż iżda nista’ nsegwi mudelli/ideat ta’ pajjiżi li jitkellmu b’ilsna oħra, fosthom bil-Franċiż u bil-Ġermaniż. Meta dan l-għarfien jitwaħħad mal-esperjenza tiegħi fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin allura jagħtini wkoll perspettiva usa’ ta’ ċerti sitwazzjonijiet. Min-naħa l-oħra bħala persuna li ngħix waħdi naħseb ukoll f’persuni bħali u fl-isfidi li għandhom fil-ħajja. Għax naħseb li dawn in-nies għandhom bżonn aktar attenzjoni fis-soċjetà tagħna. Apparti dan kollu, minkejja l-esperjenza twila, xorta nemmen li għandi l-entużjażmu meħtieġ li jagħtini saħħa ġdida bħala Membru Parlamentari mara ġdida.  

X’inhuma l-aktar tliet sfidi urġenti li se jaffaċċja l-pajjiż fil-ħames snin li ġejjin?  

  • Żieda fil-popolazzjoni speċjalment b’influss dejjem jikber ta’ barranin li joqogħdu Malta u iktar turiżmu 
  • Infrastruttura u ambjent li jlaħħqu maż-żieda fil-popolazzjoni u t-turiżmu mhux biss fejn jidħlu toroq imma wkoll ilma u provista tad-dawl 
  • Rikonċiljazzjoni tal-interessi tan-negozjant u dak taċ-ċittadini u residenti 

X’ġiegħlek tikkontesta l-elezzjoni? 

Missieri kien ħareġ għall-elezzjoni f’diversi żminijiet. Bdejt ninvolvi ruħi fil-politika minn 18-il sena jew qabel. Ħriġt għal erba’ elezzjonijiet qabel din (tliet elezzjonijiet ġenerali (2003, 2008 u 2013) u elezzjoni tal-Parlament Ewropew (2019)). F’mill-inqas żewġ elezzjonijiet kelli ċans nitla’ bil-by-election. Fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ġibt it-tielet l-ogħla numru ta’ voti min-nisa li kkontestaw. Dak iż-żmien il-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru ma kienx jeżisti. Ovvjament, din id-darba għandi ħafna iktar possibbiltajiet minn qabel li niġi eletta u ddeċidejt li nerġa’ nipprova. 

Semmi kwistjoni li int partikolarment appassjonata dwarha, u għaliex? 

Leave speċjali u drittijiet ta’ nies li jgħixu waħedhom jew waħedhom bit-tfal u li jinkludu nies separati, divorzjati u romol. Bla dubju, dawn huma l-ewwel nett mill-iktar vulnerabbli u li qegħdin f’riskju li jesperjenzaw il-faqar. Fl-Ingilterra għandhom diġà Ministeru tas-Solitudni u ġewwa l-Ġermanja l-gvern għamel ‘Strateġija Nazzjonali kontra s-Solitudni’. Kuntrarju għal dak li jaħsbu ħafna, is-solitudni fl-Ewropa mhix biss predominanti fl-anzjani imma wkoll fiż-żgħażagħ u hija relatata ma’ nuqqas ta’ interess fil-politika, twemmin f’teoriji ta’ komplott, l-estremiżmu politiku, kif ukoll ir-radikaliżmu u t-terroriżmu. Jiena appassjonata wkoll dwar suġġett ieħor ferm relatat illi huma l-kuntratti taż-żwieġ, għax nemmen li għandu jsir tibdil kbir fihom. Kull min huwa miżżewweġ jista’ jispiċċa waħdu u l-leġiżlaturi għandhom jassikuraw waqt iż-żwieġ innifsu li d-divorzju, eċċ. ma jispiċċawx ikunu huma stess li jgħinu lill-koppji jispiċċaw f’dinja ta’ diffikultajiet finanzjarji u iżolazzjoni. 

Barra mill-politika, kif tħobb tqatta’ l-ħin liberu tiegħek? 

Bl-ivvjaġġar, bil-qari, bl-istudju tal-lingwi, bir-rikostruzzjonijiet storiċi, u bil-kant. 

 

 

More in Elezzjoni 2026