Edukazzjoni, ambjent u traffiku jiddominaw dibattitu politiku fl-Università

L-ambjent, it-traffiku, l-edukazzjoni, il-kostruzzjoni u l-immigrazzjoni kienu fost it-temi ewlenin diskussi waqt dibattitu politiku organizzat fl-Università ta’ Malta bejn il-mexxejja tal-partiti li qed jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali

Ritratt: Daniel Tihn/MaltaToday
Ritratt: Daniel Tihn/MaltaToday

Dibattitu politiku mimli argumenti, interruzzjonijiet u skambji diretti bejn il-mexxejja tal-partiti politiċi sar fl-Università ta’ Malta hekk kif il-kampanja elettorali qed tersaq lejn il-qofol tagħha. 

Id-dibattitu kien moderat mill-avukata u studentessa internazzjonali Chloe Cauchi, li fil-bidu spjegat ir-regoli u t-temi ewlenin tal-attività qabel il-mexxejja telgħu fuq il-palk. 

Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li l-Partit Laburista qed jibni l-viżjoni tiegħu madwar “l-aspirazzjonijiet tan-nies”, filwaqt li semma diversi stejjer ta’ żgħażagħ li, skontu, setgħu jilħqu l-ħolm tagħhom grazzi għall-għajnuna tal-Gvern. 

Ritratt: Daniel Tihn/MaltaToday
Ritratt: Daniel Tihn/MaltaToday

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li jilqa’ elezzjoni bikrija għax, skontu, dan jagħti opportunità biex il-miżuri tal-PN jidħlu fis-seħħ sena qabel milli kien ippjanat. Borg sellem ukoll lill-moderatriċi, li bħalu hija Għawdxija. 

Il-mexxejja tal-partiti iż-żgħar ukoll għamlu appell dirett lill-istudenti u liż-żgħażagħ. Sandra Gauci tal-ADPD ħeġġet aktar nisa jidħlu fil-politika u qalet li trid tkun “vuċi għal kulħadd”, filwaqt li Arnold Cassola tal-Momentum qal li teżisti “it-tielet għażla” lil hinn mill-PL u l-PN. Paul Salomone tal-Aħwa Maltin sostna li ż-żgħażagħ għandhom ikunu jistgħu jilħqu l-ħolm tagħhom f’Malta u mhux barra minnha. 

L-ewwel tema tad-dibattitu ffukat fuq l-edukazzjoni. Gauci sostniet li l-klassijiet għandhom ikunu iżgħar u li l-istudenti għandhom jingħataw aktar attenzjoni individwali. Hija qalet ukoll li l-MATSEC għandu jitneħħa minn taħt l-Università ta’ Malta u jitqiegħed taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni. 

Paul Salomone qal li ħafna studenti qed isibuha diffiċli meta joħorġu fid-“dinja reali”, u sostna li s-sistema edukattiva għandha tħejji liż-żgħażagħ għall-isfidi tax-xogħol u tal-ħajja ta’ kuljum. 

Robert Abela qal li l-edukazzjoni hija “ċ-ċavetta” biex persuna tilħaq il-ħolm tagħha u semma l-importanza tas-saħħa mentali, l-isports u n-nutrizzjoni fl-iskejjel. F’mument li qanqal reazzjonijiet mill-folla, Abela akkuża lill-PN bi plaġjariżmu fuq il-proposti tiegħu. 

Alex Borg wieġeb lura billi qal li “fortuna tajba” li l-manifest tal-PN għadu mhux ippubblikat għax inkella, skontu, il-Labour kien se “jikkopjah kollu”. Borg qal ukoll li l-Gvern ma jagħtix prijorità vera lill-edukazzjoni. 

Ritratt: Daniel Tihn/MaltaToday
Ritratt: Daniel Tihn/MaltaToday

It-tema tal-ambjent wasslet għal aktar tensjoni bejn il-partiti. Abela attakka l-proposta tal-PN dwar fuel hub fil-baħar u qal li spazji bħal Manoel Island u White Rocks se jingħataw lura lill-pubbliku taħt Gvern Laburista. 

Sandra Gauci kkritikat ir-record ambjentali tal-Gvern u talbet biex jitħassru Bills 144 u 145, filwaqt li sostniet li Malta ma tistax tibqa’ tissagrifika l-ambjent favur il-kostruzzjoni. 

Ritratt: Daniel Tihn/MaltaToday
Ritratt: Daniel Tihn/MaltaToday

Alex Borg wiegħed li Gvern Nazzjonalista jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-inkjesta Jean Paul Sofia u jnaqqas il-kontijiet tad-dawl b’30%. Huwa semma wkoll il-proġetti ta’ Project Green li, skontu, qatt ma twettqu. 

Id-dibattitu kompla jissaħħan meta tqajmet il-kwistjoni tal-finanzi u s-sostenibbiltà tal-proposti elettorali. Borg qal li qatt ma kien jagħti flus pubbliċi lil Vitals u Steward, filwaqt li Abela wieġeb billi qal li Borg “ma jafx x’inhuma financial forecasts”. 

F’mumenti oħra tad-dibattitu tqajmu temi bħall-immigrazzjoni, il-ħatra tal-Prim Imħallef, it-traffiku u l-akkomodazzjoni affordabbli. Kemm Abela kif ukoll Borg qalu li ma jarawx il-bżonn ta’ moskea ġdida f’Malta. 

Lejn tmiem id-dibattitu, Sandra Gauci qalet li trid “tnaddaf il-politika” bħalma missierha kien inaddaf it-toroq, filwaqt li Cassola akkuża lill-PL u lill-PN b’arroganza u qrubija ma’ żviluppaturi u nies b’saħħithom finanzjarjament. 

Ritratt: Daniel Tihn/MaltaToday
Ritratt: Daniel Tihn/MaltaToday

Fl-għeluq tagħhom, kemm Abela kif ukoll Borg appellaw lill-istudenti u ż-żgħażagħ biex jużaw il-vot tagħhom. Borg qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jibda jaħdem “mill-ewwel jum”, filwaqt li Abela sostna li l-Labour għandu l-kredibbiltà biex ikompli jmexxi lill-pajjiż ’il quddiem. 

More in Elezzjoni 2026