Nitkellmu ma’ Joseph Grech

Joseph Grech, avukat, Chairman Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista u kandidat fuq il-11 u t-12-il distrett, tkellem ma’ din il-gazzetta 

Bħala kandidat, x’ideat ġodda se ġġib fis-sistema politika Maltija? 

Jiena ġej minn ġenerazzjoni fejn il-fiduċja fil-politiċi u fis-sistema politika hija diffiċli biex issibha. Ħafna nies huma aljenati mill-politika għax ma jemmnux aktar li l-politiċi jmexxu b’eżempju tajjeb. Nemmen li kariga pubblika għandha terġa’ tkun assoċjata ma’ integrità, responsabbiltà u professjonalità. 

Bħala avukat fil-litigazzjoni, jiena tal-idea li rridu nibbażaw il-politika tagħna fuq is-soluzzjonijiet. Nemmen li Malta għandha bżonn politiċi li jkunu lesti jitkellmu b’onestà dwar l-isfidi tal-pajjiż, jindirizzaw kwistjonijiet b’mod dirett, u jiffukaw fuq soluzzjonijiet prattiċi minflok retorika partiġjana. 

Jiena nġib miegħi wkoll il-perspettiva u l-enerġija ta’ ġenerazzjoni iżgħar li trid il-bidla issa, mhux f’xi punt imbiegħed fil-futur. Malta għandha bżonn nifs ġdid u mexxejja lesti li jieħdu responsabbiltà llum għal dak it-tip ta’ pajjiż li rridu għada. 

X’inhuma l-aktar tliet sfidi urġenti li se jaffaċċja l-pajjiż fil-ħames snin li ġejjin? 

Nemmen li t-tliet sfidi l-aktar urġenti li se taffaċċja Malta fil-ħames snin li ġejjin huma ż-żieda tal-għoli tal-ħajja, il-pressjoni maħluqa minn żvilupp eċċessiv u infrastruttura li qiegħda taħt stress, u s-sostenibbiltà ambjentali. 

L-ewwel nett, iż-żieda tal-għoli tal-ħajja qed issir waħda mill-akbar tħassibiet għall-familji u ż-żgħażagħ, speċjalment fejn tidħol l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni, il-pagi, u l-ispejjeż ta’ kuljum. L-isfidi biex tlaħħaq mal-ħajja qed jagħmluha aktar diffiċli għal ħafna nies sabiex jippjanaw il-futur tagħhom b’ċertezza. 

It-tieni, Malta qed taffaċċja sfidi dejjem jikbru minħabba żvilupp eċċessiv, konġestjoni tat-traffiku, tkabbir tal-popolazzjoni, u infrastruttura stressjata. It-tkabbir ekonomiku huwa importanti, iżda għandu jkun bilanċjat ma’ pjanar xieraq u kwalità aħjar tal-ħajja għar-residenti. 

It-tielet, Malta trid tieħu l-protezzjoni ambjentali b’aktar serjetà. Aktar kemm jgħaddi żmien, in-nies dejjem qegħdin jinkwetaw aktar dwar kostruzzjoni eċċessiva, telf ta’ spazji miftuħa, tniġġis, u l-impatt fit-tul li dan qed ikollu fuq is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja. L-iżvilupp sostenibbli għandu verament isir prijorità nazzjonali u mhux sempliċement slogan politiku. 

 

X’ġiegħlek tikkontesta l-elezzjoni? 

Iddeċidejt li nikkandida ruħi għax nemmen li Malta għandha bżonn ġenerazzjoni ġdida ta’ mexxejja li huma lesti jtejbu l-istandards fil-politika u ġenwinament iservu l-interess pubbliku. Dan hu dak li qed joffri l-Partit Nazzjonalista. Ħafna nies illum iħossu li huma distakkati mill-politika u ma jemmnux aktar li dawk f’kariga pubblika verament jirrappreżentawhom jew jifhmu t-tħassib tagħhom. 

Għaliex issa? Għax ma nistgħux nistennew. Malta tinsab f’punt importanti fl-iżvilupp tagħha. Id-deċiżjonijiet li nieħdu llum dwar l-iżvilupp, l-infrastruttura, il-kwalità tal-ħajja, il-governanza u ħafna suġġetti oħra, se jiffurmaw il-ġenerazzjonijiet futuri tal-pajjiż. Bħala kandidat żgħażugħ u missier, ma nistax nibqa’ passiv. Irrid li nikkontribwixxi direttament, u l-politika tibqa’ l-aqwa għodda li għandna biex inġibu l-bidla. 

Semmi kwistjoni li int partikolarment appassjonat dwarha, u għaliex? 

F’kull ġurnata li fiha nagħmel iż-żjarat fid-djar tan-nies, niltaqa’ ma’ nies li huma tassew imħassba dwar id-direzzjoni li qabad dan il-pajjiż. Ħafna jistaqsuni l-istess mistoqsija: kif se tkun Malta għaxar snin oħra? It-tfal tagħna se jgawdu l-istess kwalità ta’ ħajja li kellna qabel? Se jkun għad hawn spazji miftuħa, sens ta’ komunità, u opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jibnu futur hawnhekk? 

Dan it-tħassib mhux ġej minn settur wieħed tas-soċjetà. Imma ġej mill-familji, miż-żgħażagħ, mil-pensjonanti, u mill-ħaddiema li jħossu li l-pajjiż qed jinbidel malajr wisq u, kultant, mingħajr viżjoni ċara fit-tul. 

Din hija kwistjoni li għandi passjoni dwarha għax nemmen li Malta għandha bżonn tmexxija li tħares lil hinn mill-elezzjoni li jmiss u tibda tippjana bis-serjetà għall-ġenerazzjoni li jmiss. It-tkabbir ekonomiku huwa importanti, iżda ma jistax jiġi għad-detriment tal-ambjent, l-infrastruttura, il-kwalità tal-ħajja u l-identità nazzjonali tagħna. 

Nemmen li għandna bżonn nieħdu deċiżjonijiet aktar responsabbli u pjanati fit-tul, sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri jirċievu pajjiż li jkunu kburin bih. 

Barra mill-politika, kif tħobb tqatta’ l-ħin liberu tiegħek? 

Nipprova nqatta’ l-biċċa l-kbira tal-ħin liberu tiegħi mal-familja tiegħi. Flimkien mal-mara tiegħi għandna tifel li se jagħlaq sena u l-esperjenza li narah jikber matul din l-aħħar sena li għaddiet kienet sabiħa ħafna. Inħobb inżomm ukoll ħajja soċjali. Għandi l-grazzja li għandi ħafna ħbieb u familja, għalhekk nipprova niltaqa’ magħhom kull meta nista’. 

Għandi wkoll interess qawwi fl-istorja, affarijiet internazzjonali, esplorazzjoni spazjali u l-ġeopolitika. 

Bħal ħafna nies, inħobb ukoll nara xi film jew xi serje tajjeb li nlestih f’weekend! Imma se nħallu dan kollu għal meta tgħaddi l-kampanja elettorali! 

More in Elezzjoni 2026