Il-votazzjoni bikrija għall-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju se ssir is-Sibt 23 ta’ Mejju f’Malta u Għawdex għal dawk il-votanti li se jkunu msiefra jew rikoverati l-isptar nhar l-elezzjoni.
Madankollu, dawk li jixtiequ jivvutaw qabel il-jum uffiċjali tal-elezzjoni jridu jagħmlu dikjarazzjoni mal-Kummissjoni Elettorali sa mhux aktar tard minn nofsinhar tal-Ġimgħa 22 ta’ Mejju.
Id-dikjarazzjoni tista’ ssir online permezz tas-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali jew billi persuna tmur personalment fil-kumpless tal-għadd tal-voti fil-ground tal-eks Trade Fair fin-Naxxar jew fl-uffiċċju tal-Kummissjoni f’Għawdex fi Triq Ta’ Wara s-Sur, ir-Rabat.
Il-ħinijiet tal-ftuħ huma kuljum bejn it-8:00 a.m. u s-1:00 p.m., u bejn it-3:00 p.m. u t-8:00 p.m. Fil-ġurnata finali, il-Ġimgħa 22 ta’ Mejju, l-applikazzjonijiet jiġu aċċettati bejn it-8:00 a.m. u nofsinhar biss.
Persuni li japplikaw għall-votazzjoni bikrija jridu jippreżentaw il-karta tal-identità tagħhom.
Dawk eliġibbli għall-votazzjoni bikrija jridu jieħdu magħhom ukoll id-dokument tal-vot sabiex ikunu jistgħu jivvutaw.
Votanti reġistrati f’Malta se jivvutaw fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar, filwaqt li dawk reġistrati f’Għawdex se jivvutaw fil-Government Experimental Farm fi Triq l-Imġarr, ix-Xewkija.