Stħarriġ ta’ MaltaToday juri stampa mħallta tal-fiduċja politika fuq il-ħames kwistjonijiet ewlenin li jinfluwenzaw il-vot: l-għoli tal-ħajja, il-flus fil-but, it-traffiku, l-ekonomija u t-tkabbir tal-popolazzjoni. Dawn ġew identifikati bħala l-aktar fatturi determinanti fil-vot fi stħarriġ preċedenti, fejn il-kost tal-ħajja (10.1%), il-poter ta’ xiri (9.3%), it-traffiku (9%), l-istat tal-ekonomija (8.2%) u t-tkabbir tal-popolazzjoni (8%) ħarġu bħala l-ħames prijoritajiet ewlenin tal-votanti.
L-ekonomija u l-flus fil-but: vantaġġ ċar għall-PL
Il-Partit Laburista jgawdi vantaġġ ċar meta l-votanti ntalbu jgħidu lil liema partit jafdaw l-aktar biex imexxi l-ekonomija tal-pajjiż. 42.4% jgħidu li jafdaw lill-PL, kontra 31% lill-PN. Anke fost dawk li sa issa beħsiebhom ma jivvutawx, 19% jafdaw lill-PL u 9% biss jafdaw lill-PN.
Sitwazzjoni simili hija fuq liema partit hu l-iktar fdat biex iħalli aktar flus fil-but tan-nies: 43.4% jafdaw lill-PL, filwaqt li 28.1% lill-PN. Minkejja li l-PN għamel ħafna wegħdiet bħal tnaqqis fit-tariffi tad-dawl u qtugħ tat-taxxi, il-PL, li wkoll għamel bosta wegħdiet bħas-super bonus ta’ €1,000 fis-sena, jibqa’ l-iktar fdat f’dan il-qasam.
Interessanti li 12% tal-votanti preżenti tal-PN xorta jafdaw aktar lill-PL biex iħalli aktar flus fil-but. Fost dawk li mhux se jivvutaw, 18% jafdaw lill-PL u huma biss 3.8% li jafdaw lill-PN.
Fuq il-kontroll tal-inflazzjoni, il-PL huwa wkoll iktar fdat b’35.5% kontra 26.4% għall-PN.
PL inqas fdat fuq il-popolazzjoni u t-traffiku
Iżda l-PL igawdi inqas fiduċja fuq il-kwistjoni tat-tkabbir tal-popolazzjoni. Fuq din il-kwistjoni 28.1% jafdaw lill-PN, 27.7% lill-PL, iżda 43.2% ma jsemmu lil ebda partit. Dan juri livell għoli ta’ inċertezza jew nuqqas ta’ fiduċja fuq iż-żewġ naħat.
Fuq it-traffiku, id-distakk huwa wkoll żgħir: 26.6% jafdaw lill-PL, 25.3% lill-PN, filwaqt li kważi 46% huma indeċiżi jew ma wiġbux. Dan juri li t-traffiku jibqa’ wieħed mill-aktar problemi fejn l-ebda partit ma jikkonvinċi b’mod ċar. Fil-każ tat-traffiku, 2.3% jafdaw lill-partiti ż-żgħar. Din hi l-unika kwistjoni li fuqha l-partiti ż-żgħar jaqbżu t-2%.
Stampa ġenerali
Il-PL jibqa’ aktar assoċjat mal-ekonomija u l-istabbiltà finanzjarja ta’ kuljum, filwaqt li fuq kwistjonijiet oħra bħall-popolazzjoni u t-traffiku, il-fiduċja fiż-żewġ partiti hija baxxa. Din il-qasma tindika kampanja fejn il-bread and butter issues jibqgħu favur il-gvern, iżda l-isfidi infrastrutturali u demografiċi jibqgħu aktar miftuħa.