Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ilbieraħ indirizza folla kbira ta’ partitarji fil-Mosta fejn qal li “kelmtu hija kuntratt mal-poplu Malti u Għawdxi” u sfida lill-votanti biex iżommuh responsabbli għall-wegħdiet tiegħu.
Fil-bidu tad-diskors tiegħu, Borg qal li l-folla preżenti kienet waħda mill-akbar li ra matul il-kampanja elettorali.
“Lanqas nista’ nara t-tarf tat-triq tant kemm hawn nies,” qal Borg hekk kif ħares lejn il-folla miġbura quddiem il-palk. Huwa sellem ukoll liż-żgħażagħ preżenti għall-enerġija u d-determinazzjoni tagħhom.
Il-mass meeting sar fil-Mosta, lokalità li Borg qal hija “qrib il-qalb tal-Partit Nazzjonalista”, u għalih attendew partitarji ta’ kull età. Fost dawk preżenti kien hemm ukoll l-eks Kap tal-PN Bernard Grech.
Matul id-diskors tiegħu, Borg irrefera għal diversi proposti elettorali li l-PN ħabbar matul il-kampanja.
Huwa wiegħed li taħt Gvern Nazzjonalista, mill-1 ta’ Jannar il-kontijiet tad-dawl jitnaqqsu b’medja ta’ 30%.
Barra minn hekk, wiegħed ukoll li jneħħi t-taxxa fuq il-wirt, li sejħilha “inġustizzja”, u qal li ż-żgħażagħ se jkollhom l-ewwel ħames snin tax-xogħol tagħhom mingħajr taxxa.
Dwar il-proprjetà, Borg qal li stħarriġ riċenti wera li l-prezz medju ta’ appartament f’Malta laħaq madwar €400,000.
“Min minna, wara li joħroġ mill-Università, l-MCAST jew l-ITS, għandu €400,000 lesti biex jixtri l-ewwel dar?” staqsa lill-folla.
Huwa qal li l-proposta tal-PN hija li Gvern Nazzjonalista jħallas nofs l-imgħax fuq self tad-djar għall-ewwel għaxar snin.
Borg irrefera wkoll għall-mewt ta’ Jean Paul Sofia biex jikkritika lill-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern Laburista fuq is-saħħa u s-sigurtà fil-kostruzzjoni.
“Dak inhar smajna ħafna wegħdiet dwar riformi u saħħa u sigurtà. Għadda ż-żmien u ma ġara xejn,” qal Borg.
Huwa sostna li l-inċident riċenti fis-sit ta’ kostruzzjoni fin-Naxxar wera li l-pajjiż għadu qed jiffaċċja problemi serji fis-settur.
Il-Kap tal-PN qal ukoll li l-Gvern Laburista ħoloq “instabbiltà” meta Malta spiċċat fuq il-grey list, u sostna li l-konsegwenzi ta’ dik id-deċiżjoni għadhom jinħassu minn negozji u ħaddiema sal-lum.
Borg attakka wkoll lill-Gvern dwar il-kwalità tal-ħajja, b’referenza għall-“wellbeing index” imsemmi minn Robert Abela fl-aħħar jiem.
“Dan hu l-istess persuna li farrak lil Malta bit-traffiku u bidlet il-kwalità tal-ħajja tan-nies, u issa trid titkellem fuq wellbeing index,” qal Borg.
Huwa staqsa lill-folla jekk illum humiex qed jgħixu ħajja aħjar minn erba’ snin ilu, filwaqt li semma t-traffiku, il-ħinijiet twal ta’ stennija fl-Emerġenza u n-nuqqas ta’ spazji miftuħa.
Borg wiegħed li taħt Gvern Nazzjonalista jsir investiment fi spazji miftuħa madwar Malta u Għawdex.
“Żommuni responsabbli. Kelmti hija kuntratt mal-poplu Malti u Għawdxi,” qal Borg, filwaqt li sostna li dawn l-ispazji mhux se jkunu “mimli żrar”, iżda spazji b’siġar u ħaxix għall-familji.
Il-Kap tal-PN indirizza wkoll lil dawk li telqu mill-Partit Laburista biex ingħaqdu mal-PN, fosthom l-eks sindku Laburista Konrad Borg Manché, li huwa laqa’ uffiċjalment fil-“familja Nazzjonalista”.
Huwa appella wkoll lil dawk il-partitarji Nazzjonalisti li jistgħu jkunu indeċiżi biex “jerġgħu lura”, filwaqt li qal li l-bieb tal-PN huwa miftuħ ukoll għal Laburisti diżappuntati.
“Aħna mhux partit tal-vendetta. Aħna aħwa Maltin u Għawdxin,” qal Borg.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, Borg qal li l-PN ma jarax lin-nies bħala “numri jew statistika”, iżda bħala persuni b’ħolm u ambizzjonijiet.
“Aħna l-underdogs, imma nistgħu nagħmlu ħafna. Illum huwa l-mument biex nagħtu nifs ġdid lil Malta u Għawdex,” qal Borg.
Wara d-diskors, il-Kap tal-PN niżel minn fuq il-palk biex isellem lill-partitarji miġbura quddiemu, hekk kif il-folla bdiet iċċapċap u nħarqu l-logħob tan-nar fuq il-lokalità.