L-ewwel stħarriġ tal-gazzetta oħt MaltaToday matul il-kampanja elettorali juri lill-Partit Laburista (PL) b’vantaġġ ta’ madwar 17,400 vot fuq il-Partit Nazzjonalista (PN), filwaqt li Robert Abela jgawdi vantaġġ ta’ seba’ punti fuq Alex Borg fil-livell ta’ fiduċja fit-tmexxija.
Madankollu, 16.6% tal-votanti għadhom ma ddeċidewx lil min se jivvutaw, ekwivalenti għal madwar 59,000 persuna. Dan jibqa’ element ta’ inċertezza sinifikanti, peress li dawn il-votanti jistgħu jbiddlu r-riżultat finali tal-elezzjoni.
Statistikament, id-distakk bejn iż-żewġ partiti jista’ jvarja bejn 15,456 u 23,735 vot. L-istħarriġ applika mudell statistiku ta’ imputazzjoni biex iqassam il-votanti indeċiżi fuq il-partit li x’aktarx jivvutaw għalih. Qabel din l-imputazzjoni, il-PL digà kellu vantaġġ ta’ 5.7 punti perċentwali fuq il-PN; wara l-applikazzjoni tagħha, il-vantaġġ tela’ għal 6.3 punti.
Dan l-istħarriġ inbeda jumejn wara li ssejħet l-elezzjoni mill-Prim Ministru Robert Abela u tlesta nhar l-Erbgħa 13 ta’ Mejju. Meta mqabbel ma’ Marzu ta’ din is-sena meta sar l-aħħar stħarriġ simili, id-distakk bejn iż-żewġ partiti kiber minn 2.6 għal 6.3 punti perċentwali.
Il-vantaġġ ta’ fiduċja bejn il-mexxejja qiegħed 6.4 għal 7 punti.
Ibbażat fuq parteċipazzjoni mistennija ta’ madwar 77.3% — id-distakk fil-voti jissarraf f’differenza ta’ madwar 17,400 vot, meta mqabbel ma’ 7,500 f’Marzu.
L-istħarriġ juri wkoll li l-PN qed jitlef aktar mill-votanti tiegħu tal-2022 lejn l-astensjoni (15%) milli l-PL (11.3%), li jindika li l-Labour qed jirnexxilu jimmobilizza aħjar il-bażi tiegħu.
Fl-istess ħin, hemm xejra żgħira iżda konsistenti ta’ votanti li qed jitbiegħdu mill-PL lejn il-PN, kif ukoll irkupru ta’ voti minn fost dawk li astjenew fl-2022.
6% tal-votanti tal-PL fl-2022 (aktar minn 9,700 vot) issa qed jgħidu li se jivvutaw lill-PN, filwaqt li 3.3% tal-votanti tal-PN (aktar minn 4,000 vot) beħsiebhom jivvutaw lill-PL. Dan ifisser bidla netta ta’ madwar 5,700 vot li qed jimxu direttament mill-PL lejn il-PN.
Madankollu, dawk li bħalissa ma jivvutawx jidhru li għandhom aktar fiduċja f’Robert Abela milli f’Alex Borg biex imexxi l-pajjiż.
L-istħarriġ juri wkoll li l-PL huwa meqjus aktar kompetenti mill-PN fit-tmexxija tal-ekonomija, fit-titjib tad-dħul tan-nies u fil-kontroll tal-inflazzjoni. Iż-żewġ partiti, iżda, huma kważi ndaqs f’dak li għandu x’jaqsam mal-immaniġġjar tat-tkabbir tal-popolazzjoni u t-traffiku.
L-istħarriġ sar matul l-ewwel ġimagħtejn u nofs tal-kampanja elettorali: l-ewwel ġimgħa kienet ikkaratterizzata minn kampanja intensa tal-PL bi proposti u messaġġi li x’aktarx ħasdu lill-votanti tal-PN, filwaqt li t-tieni ġimgħa rat lill-PN jieħu l-inizjattiva u joħroġ kampanja qalila bi proposti mmirati biex iżidu d-dħul disponibbli tan-nies.