Il-Wegħdiet tal-Elezzjoni 2026: X’qed jipproponu l-PL u l-PN sa issa
Minn tax cuts u housing schemes sa sptarijiet ġodda, kontijiet tad-dawl, AI, esports u trasport, il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista diġà ħabbru għadd kbir ta’ proposti elettorali. Hawn ġabra organizzata tal-wegħdiet ewlenin imħabbra sa nhar il-Ġimgħa filgħaxija tal-kampanja.
minn Jaelle Borg
Sa nhar il-Ġimgħa filgħaxija, kemm il-Partit Laburista, kif ukoll il-Partit Nazzjonalista kienu diġà ħabbru għadd kbir ta’ proposti elettorali — tant li f’ċerti mumenti kien diffiċli tlaħħaq ma’ x’ġie mwiegħed minn ġurnata għall-oħra.
Minn tax cuts u housing schemes sa sptarijiet ġodda, kontijiet tad-dawl, AI, esports u proġetti infrastrutturali, iż-żewġ partiti ppruvaw juru li għandhom viżjoni differenti għall-futur tal-pajjiż. Naturalment, bħal kull kampanja elettorali, hemm proposti li jidhru aktar konkreti minn oħrajn, u oħrajn li forsi jinstemgħu sbieħ ħafna fuq il-palk imma jqajmu mistoqsijiet fuq kemm huma fattibbli fil-prattika.
Din il-lista tiġbor il-proposti ewlenin imħabbra sa nhar il-Ħamis filgħodu organizzati skont is-suġġett u spjegati b’mod sempliċi, sabiex ikun aktar faċli wieħed jifhem x’qed iwiegħed kull partit qabel l-elezzjoni tat-30 ta’ Mejju.
Proposti tal-Partit Laburista
- Leave tal-maternità jiżdied għal 26 ġimgħa, leave tal-paternità għal xahar, sitt xhur parental leave maqsum bejn il-ġenituri, u 28 jum leave addizzjonali meta t-tarbija jkollha bejn sena u sentejn. Il-PL qed iwiegħed ukoll birth bonus ta’ €5,000 għal kull tarbija.
- Żgħażagħ li jibdew jaħdmu jew jiftħu startup ikollhom l-ewwel €30,000 tax-free għal tliet snin. Startups taż-żgħażagħ jiġu eżentati mill-MBR fees għal ħames snin, jingħataw assistenza legali b’xejn, mentoring minn imprendituri Maltin u appoġġ taħt l-iskema Intrapriża 16.
- First-time buyers jingħataw self mingħajr imgħax sa 25% tal-valur tal-propjetà taħt “My First Home”. Jiżdied ukoll il-limitu tal-eżenzjoni tal-bolla għal €300,000, tissaħħaħ l-iskema tad-depożitu ta’ 10%, u tingħata rifużjoni notarili ta’ €1,200. Persuni b’diżabilità severa jieħdu grant ta’ €20,000. Persuni separati, divorzjati u pensjonanti li jnaqqsu d-daqs tad-dar jiġu trattati bħala first-time buyers. Familji b’aktar minn wild wieħed li jixtru dar akbar jingħataw ukoll benefiċċji relatati mal-first-time buyers.
- Il-PL qed iwiegħed żieda oħra ta’ 15% fl-istipendji, grant ta’ €1,000 għall-Erasmus u esperjenzi edukattivi barra minn Malta, u study leave imħallas għall-ħaddiema. Jiġu estiżi wkoll il-free gym schemes, sports leave għall-atleti u lezzjonijiet tal-għawm b’xejn għat-tfal.
- Terapiji għal tfal u adulti b’diżabilità jew kundizzjonijiet newrodiverġenti jitħallsu mill-gvern, inkluż fis-settur privat. Il-partit qed iwiegħed carers’ leave għall-ġenituri, carers’ grants akbar, Budget Plans personalizzati għal adulti b’diżabilità, u allowance ta’ €1,000 fis-sena għal persuni b’diżabilità bejn 18 u 23 sena. Ġenituri ta’ tfal b’diżabilità jibqgħu jiġu ntaxxati bir-rata tal-ġenituri sa meta wliedhom jagħlqu 23 sena jew indefinittivament f’każijiet severi.
- Il-PL qed iwiegħed riforma fil-pensjonijiet biex jiġu indirizzati d-differenzi bejn persuni mwielda qabel u wara l-1962. Jiżdied ukoll il-bonus għal min ma jikkwalifikax għall-pensjoni, aktar għotjiet għal min għandu ’l fuq minn 75 sena, aktar għajnuna għal anzjani b’live-in carers, smart wearable devices għal anzjani li jgħixu waħedhom, aktar investiment fiċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva u estensjoni tas-servizz Silver T.
- Għall-familji, il-PL qed iwiegħed żieda fiċ-Children’s Allowance, aktar In-Work Benefit, mekkaniżmu transitorju għall-housing benefit, u rifużjoni akbar fuq attivitajiet ekstrakurrikulari.
- Il-PL qed jipproponi Arts Pass ta’ €200 fis-sena għal żgħażagħ bejn 18 u 21 sena, aktar fondi għall-Culture Pass u Heritage Malta passport b’xejn għal kulħadd. Jiġu msaħħa wkoll is-servizzi tas-saħħa mentali fl-MCAST, Junior College u l-Università, flimkien ma’ workshops dwar stress, irqad u time management u terapija individwali għal studenti.
- Il-PL qed iwiegħed check-ups tas-saħħa mentali b’xejn, wellbeing index nazzjonali, BMI screening fl-iskejjel u diskussjoni dwar dritt għal xogħol flessibbli.
- Fil-qasam tas-saħħa, il-PL qed iwiegħed li jiffinanzja kompletament il-mediċini kollha tal-kanċer, jixtri t-tieni PET-CT scanner, jespandi Mater Dei, jibni sptar intermedju ta’ 300 sodda f’St Vincent de Paul u joħloq Mother and Child Hospital ġdid. Jiġu estiżi wkoll is-servizzi ta’ IVF, fertility testing u genetic compatibility testing.
- Il-PL qed iwiegħed aktar screenings għall-kanċer b’etajiet aktar baxxi, inkluż breast, bowel, lung, pancreatic u prostate cancer screening, flimkien ma’ HPV vaccines estiżi u self-screening tests għaċ-ċerviċi. Sir Paul Boffa Hospital jinbidel f’National Screening Centre. Jiżdied ukoll l-investiment fid-dijabete, orphan drugs u servizzi ta’ mental health treatment fid-dar 24 siegħa kuljum.
- Fil-qasam tas-saħħa tan-nisa, il-PL qed jipproponi klinika speċjalizzata għas-saħħa tan-nisa, mediċini b’xejn għall-endometriosis u hormone replacement therapy, u kampanja kontra stereotipi relatati mal-familji.
- Il-PL qed iwiegħed riforma fit-taxxa fuq il-wirt biex familji ma jkunux sfurzati jbigħu propjetà biex iħallsu taxxa. Propjetà li tintiret u tintuża bħala residenza ma titħallasx taxxa tas-suċċessjoni fuqha. Meta propjetà tintuża għall-kera, it-taxxa tiġi differita mingħajr imgħax jew penali. Jiżdied ukoll il-limitu tal-eżenzjoni fuq donazzjonijiet lill-ulied għal €1 miljun, filwaqt li familji li jibnu units separati għal uliedhom jieħdu rifużjoni ta’ 50% VAT.
- Għawdex jingħata aktar investiment permezz ta’ vapuri ġodda tal-Gozo Channel, fast ferry subsidies akbar, Air Taxi, Tallinja On Demand, modernizzazzjoni tal-iskejjel, interconnector ġdid, żewġ ċentri ġodda tad-distribuzzjoni tal-elettriku u 100 triq residenzjali ġdida. Il-fondi tal-ekokontribuzzjoni miġbura f’Għawdex jibqgħu jiġu investiti fil-gżira stess.
- Il-PL qed iwiegħed spiżerija robotika għall-kimoterapija fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, ċentru għall-arti u kreattività, u grants ta’ €1,000 għal kull ħaddiem f’negozji Għawdxin li jinvestu fit-taħriġ.
- Negozji żgħar b’turnover taħt €1 miljun jiġu ntaxxati b’rata ta’ 25%, self-employed jirċievu grant ekwivalenti għal 5% tal-kontribuzzjonijiet NI tagħhom, u ristoranti jingħataw grants sa €300,000 taħt fond ta’ €30 miljun. Jiżdiedu wkoll tax credits għal investiment turistiku u aktar investiment fil-Grand Harbour u s-settur tal-cruise liners.
- Il-PL qed iwiegħed super bonus ta’ €1,000 fis-sena għall-ħaddiema, self-employed, studenti u pensjonanti li jaħdmu. Jiġi estiż ukoll l-appoġġ għal kura barra minn Malta biex ikopri l-ispejjeż ta’ persuna li takkumpanja lill-pazjent.
- Fil-qasam diġitali u ekonomiku, il-PL qed jipproponi investiment ta’ €60 miljun fl-e-sports u l-iGaming, ċentru nazzjonali tal-e-sports, liċenzji ġodda għall-gaming studios, tax credits fuq AI, awtomazzjoni u innovazzjoni, u €100 miljun investiment relatat mal-Intelliġenza Artifiċjali.
- Il-PL qed iwiegħed ukoll e-residency għal imprendituri barranin u nomadi diġitali, National Business Wallet għan-negozji u cash rebates għall-artisti lokali u creative start-ups.
- Fil-qasam tat-trasport u l-infrastruttura, il-PL qed jipproponi pakkett ta’ €829 miljun taħt “Malta in Motion”, b’junction upgrades f’diversi lokalitajiet, aktar parking taħt open spaces, park-and-ride expansion, shuttle services, rapid transport system u mobility wallet diġitali. Jiġi estiż ukoll il-fast ferry, jitneħħew licence fees għal muturi taħt 350cc u jiżdied il-grant tal-e-bikes għal €1,300.
- Il-PL qed iwiegħed aktar investiment fil-Port il-Kbir, breakwater ġdid f’Sant Iermu, xogħlijiet fuq il-breakwater ta’ Delimara, shore-to-ship electricity għall-Freeport u riġenerazzjoni tal-Grand Harbour taħt Vision Malta 2050.
- Ambjentalment, il-PL qed iwiegħed parks nazzjonali ġodda f’Manoel Island, White Rocks u Fort Campbell, protezzjoni kontra żvilupp fuq art pubblika fir-rationalisation zones, aktar afforestation u restawr ta’ widien.
- Jiġu proposti wkoll waste-to-energy plants, reverse osmosis plant ġdida f’Ħal Far, energy-sharing bejn households, kumpens għal sidien ta’ solar panels affettwati minn żvilupp u żieda fl-enerġija rinnovabbli għal 25% sal-2030.
- Fil-qasam tas-sigurtà online u d-drittijiet, il-PL qed iwiegħed liġijiet aktar b’saħħithom kontra deepfakes u image-based abuse, online patrols tal-pulizija u miżuri biex vittmi ta’ vjolenza domestika jixhdu permezz ta’ video conference.
- Għall-artisti u s-soċjetà ċivili, il-PL qed jipproponi business training għall-artisti, digital lab għall-creators, aktar appoġġ għal NGOs, utility bill support estiż, simplifikazzjoni tal-permessi għall-festi, inqas burokrazija għall-għaqdiet volontarji, aktar għajnuna għall-kera u xiri ta’ propjetà, appoġġ għal fondi Ewropej, volontarjat fis-settur pubbliku u taħriġ tal-health and safety għall-voluntiera.
Proposti tal-Partit Nazzjonalista
- Il-PN qed jipproponi network ġdid ta’ sptarijiet madwar Malta u Għawdex, inkluż sptar ġdid fit-Tramuntana, sptar ġdid f’Għawdex, konverżjoni tal-Paola Hub fi sptar għan-Nofsinhar u espansjoni ta’ Mater Dei. Il-partit qed iwiegħed ukoll National Healthcare Park iffukat fuq prevenzjoni, riabilitazzjoni u stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu.
- Fil-qasam tas-saħħa, il-PN qed iwiegħed li jelimina jew inaqqas drastikament il-ħinijiet ta’ stennija għall-operazzjonijiet, itejjeb il-kundizzjonijiet u t-taħriġ tal-ħaddiema tas-saħħa, idaħħal sistema diġitali waħda għar-rekords mediċi, isaħħaħ iċ-ċentri tas-saħħa primarja u jipprovdi mediċini u trattament tal-kanċer b’xejn.
- Il-PN qed jipproponi li jagħlaq l-Isptar Monte Karmeli u jċaqlaq is-servizzi tas-saħħa mentali aktar lejn il-komunità. Qed iwiegħed ukoll free health screening fiżiku u mentali, kif ukoll smartwatches mediċi biex jgħinu fis-sorveljanza tas-saħħa ta’ persuni vulnerabbli jew b’kundizzjonijiet mediċi.
- Għall-istudenti u l-ħaddiema tas-saħħa, il-PN qed jipproponi żieda ta’ 25% fl-istipendji kollha, stipendju sa €1,000 fix-xahar għal studenti f’suġġetti mediċi, tax holiday ta’ ħames snin għal professjonisti tas-saħħa li jirritornaw Malta, u tneħħija tal-ispejjeż tas-single permits għal ħaddiema barranin fis-settur tas-saħħa.
- Għawdex jingħata sptar ġdid ta’ 400 sodda b’investiment ta’ €350 miljun u helipad għall-emerġenzi. Il-PN qed jipproponi wkoll li Għawdex jingħata status ta’ reġjun uffiċjali biex ikollu aċċess għal fondi Ewropej speċifiċi.
- Fil-konnettività ta’ Għawdex, il-PN qed iwiegħed vapur ġdid tal-passiġġieri, vapur ieħor għall-merkanzija, aktar frekwenza tal-fast ferry, servizzi aktar tard fil-weekends, espansjoni tal-Port tal-Imġarr, titjib fiċ-Ċirkewwa, breakwater f’Marsalforn u trasport pubbliku kompletament elettriku f’Għawdex.
- Għall-kultura u ż-żgħażagħ Għawdxin, il-PN qed jipproponi fond ta’ €9 miljun għall-kultura, €2 miljun għal youth centres moderni u għotja ta’ €400 fix-xahar għal studenti Għawdxin li jistudjaw Malta biex jgħinu fl-ispejjeż tal-kera u l-għejxien.
- Fil-qasam tal-enerġija, il-PN qed iwiegħed tnaqqis ta’ 30% fil-kontijiet tad-dawl filwaqt li jżomm is-sussidji eżistenti. Il-partit qed jipproponi wkoll it-tneħħija tat-tieni tariff band, meter rental b’xejn, €60 miljun f’investiment fil-pannelli solari u miżuri speċjali għal persuni li jgħixu waħedhom permezz ta’ ekoriduzzjoni ogħla.
- Il-PN qed iwiegħed regolatur aktar b’saħħtu fis-settur tal-enerġija, aktar trasparenza fil-kuntratti, kontroll aħjar ta’ ARMS u kumpens awtomatiku f’każ ta’ żbalji fil-kontijiet.
- Il-PN qed jipproponi Mediterranean Maritime Fuel Hub f’Hurd’s Bank biex Malta ssir hub għall-bunkering tal-fuel marittimu. Il-proġett, li skont il-partit jista’ jiġġenera madwar €450 miljun, ikun finanzjat permezz ta’ public-private partnership u fondi Ewropej, u aktar ’il quddiem ikun jista’ jinkludi fuels alternattivi bħal-LNG, idroġenu u ammonia.
- Għat-tfal u l-familji, il-PN qed jipproponi Child Trust Fund ta’ €5,000 għal kull wild, maternity leave ta’ 26 ġimgħa, paternity leave ta’ erba’ ġimgħat, 15-il ġurnata leave għall-ġenituri meta t-tfal ikunu morda, u drittijiet aktar b’saħħithom għal flexible working arrangements.
- Fil-qasam tat-taxxa personali, il-PN qed jipproponi li l-ewwel €10,000 minn part-time jew sahra ma jkunux intaxxati, riforma fit-tax bands, u li l-COLA ma tibqax tiġi ntaxxata billi t-tax bands jiżdiedu kull sena bl-istess ammont tal-COLA.
- Il-PN qed iwiegħed ukoll tax-free income għal familji li jospitaw studenti barranin, krediti tal-Assigurazzjoni Nazzjonali għal ġenituri li jieqfu jaħdmu biex jieħdu ħsieb id-dar u studenti barranin, u Skills Wallet ta’ €1,000 għal kull ċittadin Malti ta’ 18-il sena ’l fuq kull tliet snin sat-tmiem tal-età tax-xogħol.
- Fil-qasam tal-wirt u l-propjetà, il-PN qed jipproponi li titneħħa l-bolla fuq propjetà mgħoddija b’wirt, jitneħħew it-taxxa u l-bolla fuq negozji tal-familja mgħoddija b’wirt, u jitneħħew it-taxxa u l-bolla fuq donazzjonijiet ta’ propjetà minn ġenituri għal uliedhom jew neputijiet.
- Għall-first-time buyers, il-PN qed jipproponi li l-iskema tad-depositu tiżdied minn limitu ta’ €225,000 għal €450,000, b’għajnuna sa €45,000 għal depositu fuq il-propjetà. Il-PN qed iwiegħed ukoll li jirrifondi nofs l-imgħax tas-self fuq id-dar għall-ewwel għaxar snin tal-mortgage.
- Il-PN qed iwiegħed ukoll li jibda x-xogħol fuq mass transport line ġdida fl-ewwel 100 jum ta’ gvern Nazzjonalista.
- Fil-qasam tal-ekonomija kreattiva, il-PN qed jipproponi investiment ta’ €350 miljun fil-“Port Distrett Kulturali” fil-Marsa. Dan jinkludi sala nazzjonali ta’ madwar 1,700 persuna, dar permanenti għall-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, teatru ta’ 600 persuna u black box theatre għal produzzjonijiet sperimentali.
- Fil-qasam teknoloġiku, il-PN qed jipproponi investiment ta’ €12-il miljun fl-AI, data u space economy, qafas regolatorju ġdid biex jattira investiment teknoloġiku, u li Malta taħdem biex issir membru assoċjat tal-European Space Agency.
- Għall-mikrointrapriżi u negozji żgħar, il-PN qed jipproponi li t-taxxa fuq il-mikrointrapriżi tinżel minn 35% għal 15%, u t-taxxa fuq negozji żgħar tinżel għal 25%. Il-limitu tal-eżenzjoni mill-VAT jiżdied minn €35,000 għal €70,000.
- Il-PN qed iwiegħed ukoll taħriġ u reskilling tal-ħaddiema ffinanzjat mill-gvern, aktar spazji industrijali għal negozji żgħar, u fond nazzjonali għar-riforma tas-suq tax-xogħol biex jiġu indirizzati nuqqas ta’ ħaddiema skilled, produttività baxxa u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja.
- Għall-NGOs u organizzazzjonijiet volontarji, il-PN qed jipproponi rifużjoni sħiħa tal-VAT fuq oġġetti u servizzi relatati mal-missjoni tagħhom, skema biex NGOs jixtru propjetà tal-gvern li jkunu qed jikru, tax credit ta’ 30% fuq donazzjonijiet sa €50,000, u aktar għajnuna finanzjarja lis-social partners u unions.
- Għall-anzjani u pensjonanti, il-PN qed jipproponi tnaqqis fil-miżati tad-djar tal-anzjani tal-gvern, grant ta’ €2,000 għan-nanniet li jieħdu ħsieb in-neputijiet, għotjiet annwali għal anzjani li jgħixu d-dar, żieda minima ta’ €650 fis-sena fil-pensjonijiet, tax rebate ogħla għal private pensions, tax credit akbar għal private care homes u grant annwali ta’ €2,000 għal nisa li telqu mix-xogħol biex irabbu familja.
- Fil-qasam tas-sigurtà, il-PN qed iwiegħed li jerġa’ jiftaħ u jirrinova l-għases tal-pulizija magħluqa, jinvesti f’teknoloġija kontra t-traffikar tad-droga, u jsaħħaħ il-korpi dixxiplinati permezz ta’ riforma fil-pensjonijiet, COLA fuq pensjonijiet, u bord indipendenti biex jinvestiga inġustizzji.
- Il-PN qed jipproponi modernizzazzjoni tal-Armed Forces of Malta, investiment fis-search and rescue, sigurtà ċibernetika u difiża nazzjonali, kif ukoll sistema li tagħti aċċess dirett lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għal site plans waqt emerġenzi.
- Fil-qasam tal-ġustizzja u l-kriminalità, il-PN qed jipproponi aktar community service u riabilitazzjoni għal offenders, speċjalment żgħażagħ, kif ukoll tisħiħ tal-qafas tal-kannabis permezz ta’ kampanji ta’ kuxjenza u protezzjoni għal min ma jpejjipx.
- Il-PN qed jipproponi sistema “one-stop shop” għall-permessi tax-xogħol u residenza, awtorità ġdida għal-livelli tal-popolazzjoni, u pjanijiet biex il-permessi, l-infrastruttura u l-kapaċità nazzjonali jiġu ppjanati flimkien.
- Il-PN qed iwiegħed joint task force bejn il-pulizija u l-AFM biex tiġġieled immigrazzjoni illegali, traffikar tad-droga u kriminalità organizzata. Qed jipproponi wkoll korsijiet obbligatorji tal-Malti għal third-country nationals f’impjiegi mal-pubbliku, aktar investiment fil-pulizija u l-AFM f’Għawdex, u riforma tal-Immigration Appeals Board taħt tmexxija ta’ maġistrat.
B’ġimagħtejn oħra ta’ kampanja elettorali, kemm il-Partit Laburista kif ukoll il-Partit Nazzjonalista diġà tefgħu fuq il-mejda mijiet ta’ wegħdiet u proposti li jmissu kważi kull aspett tal-ħajja taċ-ċittadini — mis-saħħa u l-housing sat-taxxa, l-enerġija, it-trasport, il-pensjonijiet u l-immigrazzjoni.
Filwaqt li l-PL qed jipprova jiffoka fuq kontinwità, investiment infrastrutturali u aktar għajnuna soċjali, il-PN qed jippreżenta ruħu bħala alternattiva b’riformi ekonomiċi, tnaqqis fit-taxxa u bidliet strutturali fis-servizzi pubbliċi u s-suq tax-xogħol.
Naturalment, ħafna minn dawn il-proposti għad iridu jiġu analizzati fid-dettall, partikolarment fejn jidħlu l-ispejjeż, il-fattibilità u kemm jistgħu jitwettqu fil-prattika. Madankollu, hekk kif il-kampanja tkompli riesqa lejn it-30 ta’ Mejju, jidher ċar li ż-żewġ partiti qed jippruvaw jindirizzaw l-istess tħassib tal-poplu — iżda b’viżjonijiet differenti ħafna ta’ kif għandu jidher il-futur ta’ Malta u Għawdex.
