Il-gazzetta oħt, MaltaToday se tippubblika l-ewwel sondaġġ politiku tagħha matul il-kampanja elettorali tal-2026, li mistenni jagħti stampa aktar ċara tal-andament tat-tellieqa elettorali sa issa.
Is-sondaġġ sar matul l-aħħar ġimagħtejn u se jkun ippubblikat kemm fl-edizzjoni tal-Ħadd tal-gazzetta, kif ukoll fuq is-sit elettroniku maltatoday.com.mt u l-paġni tal-midja soċjali tagħha.
Is-sondaġġ janalizza l-intenzjonijiet tal-votanti u l-livell ta’ fiduċja fil-mexxejja taż-żewġ partiti ewlenin f’mument meqjus kruċjali fil-kampanja elettorali, hekk kif il-partiti qed jippruvaw jikkonvinċu lill-votanti indeċiżi u jsaħħu l-appoġġ tagħhom.
Ir-rispondenti ġew mistoqsija wkoll dwar min jafdaw l-aktar biex jindirizza ħames temi ewlenin li qed jiddominaw id-dibattitu pubbliku matul din il-kampanja: l-għoli tal-ħajja, il-poter tax-xiri, it-traffiku, l-ekonomija u ż-żieda fil-popolazzjoni.
Is-sondaġġ għandu jagħti indikazzjoni ta’ liema partit qed jitqies bħala l-aktar wieħed kredibbli fuq il-kwistjonijiet ewlenin li qed jinkwetaw lill-pubbliku.
Il-gazzetta oħt ilha twettaq sondaġġi politiċi regolari għal aktar minn għoxrin sena u ħafna drabi dawn jitqiesu bħala indikatur importanti tal-burdata politika fil-pajjiż.
Fl-aħħar sondaġġ ippubblikat f’Marzu, MaltaToday kienet irrappurtat distakk ta’ madwar 7,500 vot bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, filwaqt li Robert Abela kien qed igawdi vantaġġ ta’ sitt punti fuq Alex Borg fil-livell ta’ fiduċja personali fost il-votanti.