Il-Partit Laburista ħabbar li, jekk jerġa’ jkun fil-Gvern wara l-elezzjoni ġenerali, se jsejjaħ referendum nazzjonali dwar l-ewtanasja volontarja assistita.
Il-proposta tħabbret fil-manifest elettorali tal-partit “Int Malta”, ippubblikat il-Ġimgħa filgħaxija, fejn il-PL qal li d-diskussjoni dwar “din il-kwistjoni delikata” għandha tkompli u li l-poplu għandu jingħata l-opportunità jesprimi ruħu direttament permezz ta’ referendum.
Il-Partit Laburista qal li l-proposta tibni fuq il-konsultazzjoni pubblika li l-Gvern nieda matul l-2025 dwar l-ewtanasja volontarja assistita għal persuni b’mard terminali, kif ukoll fuq il-qafas propost tal-“living will”.
Fil-konsultazzjoni pubblika li kienet nediet is-sena li għaddiet, il-Gvern kien ippropona qafas strettament regolat li japplika biss għal adulti mentalment kompetenti li jkunu qed ibatu minn mard terminali b’aspettattiva ta’ ħajja ta’ sitt xhur jew inqas. Il-proposti kienu jinkludu diversi safeguards mediċi u legali, fosthom valutazzjonijiet minn tliet professjonisti mediċi differenti u awtorizzazzjoni finali minn eks imħallef.
Il-manifest elettorali tal-PL jinkludi wkoll diversi objettivi fit-tul relatati mas-saħħa, il-kwalità tal-ħajja u s-servizzi soċjali, flimkien ma’ miżuri oħra marbuta mal-ippjanar, l-ambjent, it-trasport u l-ekonomija.
Id-dibattitu dwar l-ewtanasja volontarja ilu jqanqal diskussjoni qawwija f’Malta bejn dawk li jqisuha bħala kwistjoni ta’ dinjità u għażla personali u oħrajn li jesprimu tħassib etiku u morali dwar l-introduzzjoni tagħha.
Fl-aħħar xhur, il-konsultazzjoni pubblika dwar is-suġġett ġibdet eluf ta’ sottomissjonijiet minn individwi u għaqdiet differenti, filwaqt li diversi persuni pubbliċi u organizzazzjonijiet ħadu pożizzjoni favur jew kontra l-introduzzjoni tal-ewtanasja volontarja assistita.