Momentum appella għal protezzjoni assoluta ta’ Kemmuna bħala sit Natura 2000, filwaqt li insistiet li fuq il-gżira m’għandu jsir ebda żvilupp kummerċjali.
Fi stqarrija maħruġa nhar il-Ġimgħa, il-partit iddeskriva lil Kemmuna bħala “wieħed mill-aħħar postijiet mhux mittiefsa” fil-gżejjer Maltin.
Momentum qal li Kemmuna hija dar għal biodiversità unika, habitats marini naturali u ambjent naturali li “ma jistax jiġi sostitwit ladarba jinqered”.
Il-partit sostna li minkejja dan, għad hemm interessi kummerċjali li qed jagħmlu pressjoni biex isir aktar żvilupp fuq il-gżira.
Momentum insista li jekk tiġi eletta fil-Parlament, se taħdem biex Kemmuna tibqa’ protetta kompletament minn kull forma ta’ żvilupp, inklużi lukandi, pixxini, ristoranti jew faċilitajiet għall-irmiġġ ta’ dgħajjes.
“Kemmuna trid tibqa’ mhux mittiefsa għall-ġenerazzjonijiet futuri. Fuq dan m’hemm ebda kompromess,” sostna l-partit.
Fl-istess stqarrija, Momentum ippreżenta ukoll sensiela ta’ proposti biex tiddefendi l-kosta Maltija minn privatizzazzjoni, sfruttament u ħsara ambjentali.
Il-partit sostna li ħafna bajjiet pubbliċi qed “jingħataw bil-kwiet” lil operaturi privati u persuni b’konnessjonijiet politiċi.
Il-membru eżekuttiv ta’ Momentum Graziella Spiteri qalet li bħalissa qed tinħoloq sistema fejn “l-aċċess għall-baħar jiddependi minn lil min taf u kemm tiflaħ tħallas”.
Momentum wiegħed li jaħdem biex ikun garantit aċċess pubbliku b’xejn għall-kosta kollha Maltija, kif previst fil-liġi.
Il-partit sostna li dan id-dritt qed jinkiser regolarment minn operaturi privati, concession holders, żviluppaturi u politiċi li “jagħlqu għajnejhom”.
Momentum allega wkoll li diversi bajjiet pubbliċi spiċċaw f’idejn “l-istess ftit nies b’konnessjonijiet” permezz ta’ proċessi mhux trasparenti.
Il-partit qal li jekk jidħol fil-Parlament, se jinsisti biex beach concessions jingħataw biss permezz ta’ proċessi miftuħa u trasparenti li jirrispettaw il-politika Ewropea.
Skont Momentum, kull konċessjoni għandha tkun ibbażata fuq kompetizzjoni ġusta, kriterji ċari u accountability pubblika.
“Il-kosta Maltija tappartjeni lil kulħadd. Dan mhux slogan, iżda l-liġi,” temmet tgħid Momentum.