Abela jwiegħed tnaqqis fl-ispejjeż għall-NGOs, każini tal-banda u għaqdiet volontarji

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar pakkett ta’ miżuri ġodda mmirati biex inaqqsu l-ispejjeż u l-burokrazija għall-għaqdiet volontarji, każini tal-banda u organizzazzjonijiet komunitarji

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar sensiela ta’ proposti ġodda mmirati biex inaqqsu l-ispejjeż operattivi tal-NGOs, każini tal-banda, għaqdiet reliġjużi u organizzazzjonijiet komunitarji.

Waqt attività politika nhar il-Ħamis, Abela qal li dawn il-miżuri jibnu fuq dak li l-Partit Laburista ddeskriva bħala rekord ta’ appoġġ lill-għaqdiet volontarji.

Huwa semma li l-Gvern diġà nefaq €30 miljun biex salva 15-il każin tal-banda mill-iżgumbrament.

Skont Abela, dan l-appoġġ se jkompli sabiex id-dħul iġġenerat minn dawn il-każini jkun jista’ jintuża għal proġetti akbar mill-għaqdiet mużikali.

Il-Partit Laburista wiegħed ukoll li jgħin lill-Federazzjoni Każini tal-Banda fir-rinnovar tal-binja tagħha fil-Furjana u biex din tiġi mgħammra aħjar għall-ħidma amministrattiva tagħha.

Abela qal ukoll li l-Gvern huwa konxju mill-proċessi li jgħaddu minnhom l-organizzazzjonijiet tal-festi biex ikomplu jsaħħu l-identità kulturali tal-pajjiż.

Huwa qal li taħt Gvern Laburista, il-proċess tal-permessi se jiġi simplifikat u se jitneħħew “double processes”.

Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li fil-bidu tal-leġiżlatura li jmiss se titressaq liġi ġdida mfassla wara konsultazzjonijiet mal-għaqdiet volontarji.

Skont il-proposta, il-liġi se tissimplifika d-dmirijiet ta’ rappurtar u tintroduċi appoġġ adattat għall-bżonnijiet differenti ta’ kull organizzazzjoni.

Abela qal li l-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji se jaġixxi bħala single point of contact sabiex l-għaqdiet ma jkollhomx għalfejn jibqgħu jippreżentaw l-istess dokumenti lil regolaturi differenti.

Huwa ħabbar ukoll li l-inċentiv fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, li bħalissa japplika biss għal għaqdiet li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità u l-ħarsien tal-annimali, se jiġi estiż għall-organizzazzjonijiet volontarji kollha.

Abela qal ukoll li se tingħata aktar għajnuna għall-installazzjoni ta’ sistemi ta’ enerġija rinovabbli biex l-għaqdiet inaqqsu jew jeliminaw kompletament il-kontijiet tagħhom.

Fost il-miżuri mħabbra kien hemm ukoll għajnuna finanzjarja għal organizzazzjonijiet li ma jużawx proprjetà tal-Gvern biex ikopru spejjeż ta’ kiri jew xiri ta’ postijiet.

Il-Gvern wiegħed ukoll żieda fid-daily allowance taħt l-iskema Youth Volunteer Overseas.

NGOs li japplikaw għal fondi Ewropej se jingħataw taħriġ u appoġġ finanzjarju dirett biex ikopru l-ispejjeż tal-applikazzjonijiet u t-twettiq tal-proġetti.

Abela qal ukoll li ħaddiema tas-settur pubbliku se jkunu jistgħu jagħtu servizz ma’ organizzazzjonijiet volontarji għal numru ta’ ġranet stabbilit mingħajr il-bżonn li jitilqu xogħolhom full-time.

Huwa appella wkoll lil kumpaniji privati biex jadottaw arranġamenti simili bħala parti mill-impenn tagħhom lejn ir-responsabbiltà soċjali.

Fl-aħħar nett, Abela ħabbar li se jiġi introdott taħriġ bażiku dwar is-saħħa u s-sigurtà għall-voluntiera, filwaqt li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol se tkun disponibbli biex tassisti lill-għaqdiet fir-risk assessments għal attivitajiet kbar.

More in Elezzjoni 2026