Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar il-masterplans għall-iżvilupp tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Boffa, f’dik li ġiet deskritta bħala viżjoni fit-tul għat-trasformazzjoni tal-infrastruttura tas-saħħa pubblika fil-pajjiż.
Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu flimkien mal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, il-Gvern qal li l-proġetti se jwasslu għall-iżvilupp ta’ sptar ġdid fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, ir-rinnovar u l-espansjoni tal-Isptar San Luqa u r-rinnovar tal-Isptar Boffa.
Il-Gvern qal li qed ikompli javvanza bil-pjan biex l-Isptar Ġenerali t’Għawdex jinbidel f’kampus modern u reżiljenti tal-kura tas-saħħa li jservi kemm lill-poplu Għawdxi kif ukoll lill-pazjenti Maltin.
Fl-istess waqt, il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Isptar San Luqa f’“raħal modern tas-saħħa” ġie deskritt bħala wieħed mill-akbar investimenti fit-tul fl-infrastruttura tas-saħħa pubblika f’Malta, mifrux fuq medda ta’ 15-il sena.
Il-Gvern qal li l-eżerċizzju tal-Healthcare Campus Masterplan issa ġie konkluż u li l-proġett daħal fil-fażi li jmiss ta’ żvilupp tad-disinn u t-tħejjija tas-sejħiet għall-offerti meħtieġa għall-implimentazzjoni.
Skont il-Ministeru, l-istudju analizza d-demografija u l-ħtiġijiet futuri tas-saħħa f’Malta u Għawdex, identifika nuqqasijiet fis-servizzi eżistenti u ddefinixxa l-ħtiġijiet futuri tas-settur.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal li matul l-aħħar xhur saru studji tekniċi, investigazzjonijiet ġeotekniċi, ippjanar tas-servizzi tas-saħħa u t-tfassil tal-masterplan tal-kampus.
Huwa qal li dawn qed jiffurmaw il-pedament tal-proġett nazzjonali, filwaqt li spjega li diġà bdew xogħlijiet preparatorji biex il-parti tat-Tramuntana tal-kampus tiġi rilokata sabiex isir il-bini tal-isptar il-ġdid.
Fost il-proġetti infrastrutturali msemmija hemm ukoll helipad ġdid, li jinsab fi stadju avvanzat u mistenni jibda jopera fit-tielet kwart ta’ din is-sena.
Dr Abela qal li l-proġett għandu l-għan li jżid il-kapaċità tal-isptarijiet, jintroduċi servizzi speċjalizzati ġodda, isaħħaħ il-preparazzjoni għall-emerġenzi u jnaqqas il-ħinijiet ta’ stennija għall-pazjenti.
Huwa sostna wkoll li l-pjan għandu jwassal biex aktar servizzi ta’ kura tas-saħħa ta’ kwalità jingħataw eqreb lejn il-komunità Għawdxija.
“Il-Gvern ikompli jimpenja ruħu biex jibni sistemi tas-saħħa li jaqdu lill-pazjent b’mod eċċellenti u li jkunu lesti għall-futur,” qal il-Ministru.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg irringrazzja lill-Ministeru għas-Saħħa, lill-amministrazzjoni tal-isptarijiet u lill-esperti lokali u internazzjonali involuti fil-proġett.
Huwa qal li l-pjan ġie mfassal biex jirrikonoxxi ċ-ċirkostanzi tas-snin li għaddew filwaqt li jħares ’il quddiem lejn il-ħtiġijiet futuri tas-saħħa f’Malta u Għawdex.
Dr Borg qal ukoll li jinsab sodisfatt li l-ewwel fażijiet tal-pjan diġà qed jitwettqu kemm fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex kif ukoll fl-Isptarijiet San Luqa u Karin Grech.
Huwa żied jgħid li sena wara sena l-Gvern qed ikompli jinvesti fit-titjib tas-servizzi tas-saħħa, b’kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema fis-settur, aktar tagħmir mediku u firxa akbar ta’ servizzi kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.