Alex Borg jgħid li l-PL jinsab “f’paniku” wara l-proposti tal-PN

Il-Kap tal-partit Nazzjonalista Alex Borg sostna li l-Partit Laburista jinsab “f’paniku” wara l-proposti mħabbra mill-PN, filwaqt li akkuża lill-Gvern li qed jirreaġixxi għall-aġenda tal-Oppożizzjoni u mhux imexxiha.

Il-Kap tal-partit Nazzjonalista Alex Borg sostna li l-Partit Laburista jinsab “f’paniku” wara s-sensiela ta’ proposti mħabbra mill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar jiem.

Borg kien qed jindirizza attività politika f’Ħal Luqa fejn qal li l-proposti tal-PN wasslu biex il-Gvern spiċċa jirreaġixxi għall-aġenda tal-Oppożizzjoni minflok imexxiha hu.

Huwa sostna li l-PL saħansitra rrikorra għall-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex jattakka l-proposti tal-PN, filwaqt li sostna li aktar proposti se jitħabbru fil-jiem li ġejjin.

Borg qal li dan kollu huwa sinjal ta’ “Partit Laburista mifxul”, u kkritika wkoll lill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalligħall-kummenti tagħha dwar il-proposti tal-PN.

“Din hija l-istess ministru li ħallitna mingħajr dawl għal żewġ sjuf u ġiegħlitkom tonfqu flushom fuq generators,” qal Borg waqt id-diskors tiegħu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ semma wkoll il-proposta tal-PN għal offshore fuel hub, li kienet diġà tħabbret qabel.

Huwa qal li kien hemm min allega li l-idea ngħatat lill-PN minn xi kuntrabandist jew kriminal, f’referenza għal kummenti li saru mill-Prim Ministru Robert Abela.

Borg akkuża lil Abela li “jitfa’ t-tajn u jaħbi idu”, filwaqt li qal li l-Prim Ministru evita li jagħti aktar dettalji dwar l-allegazzjonijiet tiegħu.

Aktar kmieni matul il-ġurnata, Abela kien qal lill-ġurnalisti li kien lest jiżvela l-identità tal-kuntrabandist meta l-PN jiżvela l-ismijiet tal-esperti wara l-proposta tal-fuel hub.

Madankollu, Borg qal li mhux se jiżvela dawn l-ismijiet għax ma jridx jippermetti li jsiru “witch hunts” fuq persuni li qed jgħinu lill-PN fit-tfassil tal-proposti tiegħu.

Huwa temm jgħid li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista “ħolqu terremot”, b’mod partikolari l-proposta dwar ir-riforma fiskali mħabbra nhar il-Ħamis.

More in Elezzjoni 2026