Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar sensiela ta’ proposti ekonomiċi ġodda mmirati lejn il-mikrointrapriżi, negozji ż-żgħar u l-għaqdiet volontarji waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ġimgħa filgħodu.
Fost il-proposti ewlenin, Borg qal li gvern immexxi mill-PN se jnaqqas it-taxxa tal-mikrointrapriżi minn 35% għal 15%, filwaqt li t-taxxa għall-intrapriżi ż-żgħar tinżel minn 35% għal 25%.
Huwa qal li dawn il-miżuri huma maħsuba biex jagħtu aktar nifs lin-negozji ż-żgħar Maltin u jħeġġu aktar investiment u tkabbir ekonomiku.
Borg ħabbar ukoll li limitu ta’ eżenzjoni mill-VAT se jiġi rdoppjat minn €35,000 dħul fis-sena għal €70,000 fis-sena.
Skont il-PN, din il-miżura se tnaqqas il-piż amministrattiv fuq numru sostanzjali ta’ negozji żgħar u self-employed.
Il-Kap Nazzjonalista qal ukoll li taħriġ speċifiku provdut minn min iħaddem biex isir skilling jew reskilling tal-ħaddiema se jkun iffinanzjat kompletament mill-gvern.
Huwa sostna li din il-miżura hija kruċjali biex il-ħaddiema Maltin ikunu jistgħu jadattaw għal ekonomija li qed tinbidel, partikolarment fis-setturi diġitali u teknoloġiċi.
Fost il-proposti mħabbra kien hemm ukoll impenn biex jiġu offruti spazji industrijali għan-negozji ż-żgħar Maltin sabiex ikollhom aktar opportunitajiet biex jikbru u joperaw.
Fir-rigward tal-għaqdiet volontarji u l-NGOs, Borg ħabbar li gvern Nazzjonalista se jrodd lura kompletament il-VAT imħallsa fuq oġġetti u servizzi relatati direttament mal-missjoni tagħhom.
Huwa qal li dawn l-għaqdiet qed jagħtu kontribut importanti lis-soċjetà u jistħoqqilhom aktar appoġġ konkret mill-istat.
Il-PN ħabbar ukoll proposta għal kreditu ta’ 30% fuq donazzjonijiet sa massimu ta’ €50,000 fis-sena.
Skont Borg, din il-miżura hija maħsuba biex tinkoraġġixxi aktar donazzjonijiet u sostenn finanzjarju lejn organizzazzjonijiet volontarji u soċjali.
Barra minn hekk, il-PN wiegħed li jestendi l-iskema tax-xiri ta’ proprjetà tal-gvern lill-NGOs eliġibbli.
Borg qal li ħafna għaqdiet ilhom snin joperaw minn proprjetajiet mikrija mill-gvern u investew riżorsi sostanzjali biex jadattawhom għall-użu tal-komunità.
Huwa sostna li dawn il-miżuri kollha huma parti minn viżjoni ekonomika li “tpoġġi lin-negozji ż-żgħar u lis-soċjetà ċivili fiċ-ċentru tal-politika ekonomika tal-pajjiż”.