Il-PL jwiegħed għotja għal self-employed biex inaqqas l-ispejjeż tal-NI

Robert Abela iħabbar miżuri ġodda fil-Mellieħa, fosthom skema għal anzjani li jixtru proprjetà iżgħar u sostenn finanzjarju ġdid għas-self-employed​

Ritratt: PL
Ritratt: PL

 

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar żewġ proposti ġodda mmirati lejn l-anzjani u s-self-employed waqt attività politika fil-Mellieħa.

Fost il-miżuri mħabbra kien hemm proposta biex anzjani li jiddeċiedu jbigħu d-dar tagħhom u jixtru proprjetà iżgħar jiġu trattati bħala first-time buyers fejn tidħol it-taxxa tal-boll.

Abela qal li bħalissa dawn l-anzjani jridu jħallsu l-bolla meta jixtru proprjetà ġdida u qatt ma bbenefikaw minn skemi ta’ għajnuna simili.

Skont il-proposta, taħt gvern Laburista ġdid dawn ikunu eżentati mill-ħlas tal-bolla permezz tal-iskema “Our Next Home”.

Il-Prim Ministru qal li l-miżura se tapplika wkoll għal ġenituri b’aktar minn wild wieħed kif ukoll persuni separati jew divorzjati li jkunu qed jibdew kapitlu ġdid f’ħajjithom.

Skont Abela, il-benefiċjarji jistgħu jiffrankaw sa €15,000 f’ħlasijiet tal-boll.

Abela ħabbar ukoll proposta ġdida favur is-self-employed permezz ta’ skema msejħa SMEBoost.

Huwa spjega li bħalissa self-employed iħallsu rata ta’ 15% fil-bolla filwaqt li impjegati jħallsu rata effettiva ta’ 10%, minħabba l-kontribuzzjoni tal-impjegatur.

Taħt il-proposta l-ġdida, is-self-employed se jibqgħu formalment iħallsu r-rata ta’ 15%, iżda se jingħataw cash grant sabiex ir-rata effettiva tagħhom tinżel għal 10%. Dan jista’ jfisser tfaddil li jvarja bejn kważi €630 u €1,450 fis-sena, jew sa €7,150 tul leġiżlatura sħiħa.

Il-Prim Ministru qal li l-miżura se twassal għal sostenn ta’ aktar minn €20 miljun fis-sena lis-self-employed, ekwivalenti għal aktar minn €100 miljun fuq ħames snin.

Abela sostna wkoll li minkejja t-tnaqqis fil-piż effettiv tal-bolla, is-self-employed xorta se jibqgħu intitolati għall-istess pensjoni bħal qabel.

Il-Prim Ministru Robert Abela attakka l-proposti ekonomiċi tal-Partit Nazzjonalista waqt attività politika tal-Partit Laburista, fejn saħaq fuq l-importanza ta’ costings preċiżi għall-miżuri elettorali.

Abela qal li l-proposti ma jistgħux jitressqu “għal wiċċ in-nies” mingħajr kalkoli serji, għax żbalji fil-costings jolqtu mhux biss il-manifest elettorali iżda wkoll il-baġits kollha ta’ leġiżlatura.

“Ma tistax sempliċement titfa’ l-proposti,” qal il-Prim Ministru.

Huwa kien qed jirreaġixxi għall-proposta tal-PN dwar tnaqqis fit-taxxa, li ġiet ikkritikata mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana wara li allega diskrepanza ta’ €250 miljun fil-costings tagħha.

Robert Abela qal li waqt li kien qed jisma’ lid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia jitkellem dwar il-proposti, staqsa lilu nnifsu jekk dan kienx intenzjonat jew jekk il-PN huwiex “verament inkompetenti”.

“Lanqas kapaċi jikkostjaw il-proposti tagħhom, aħseb u ara jimplimentawhom,” qal Abela.

Il-Prim Ministru għamel ukoll distinzjoni bejn il-proposta tal-Kap tal-PN Alex Borg dwar it-tax brackets u l-proposta tal-PL għas-super bonus.

Skont Abela, il-miżura tal-Labour tpoġġi l-flus direttament fil-bwiet tan-nies mingħajr ma jkunu ntaxxati, filwaqt li qal li l-għażla kienet “strateġika” għax teskludi numru kbir ta’ ħaddiema barranin.

Huwa reġa’ kkritika wkoll il-proposta tal-PN dwar il-Mediterranean Maritime Fuel Hub, li qal hija “totalment barra mit-triq”.

Il-proposta tal-fuel hub ġabet magħha wkoll kritika minn NGOs ambjentali dwar l-impatt potenzjali fuq l-ambjent marittimu.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, Robert Abela allega li l-idea kienet ġiet ippreżentata lill-PN minn “l-akbar kuntrabandist tal-fuel fil-pajjiż”, għalkemm baqa’ ma semma l-ebda isem jew fejn allegatament saret il-laqgħa.

Il-Partit Nazzjonalista ċaħad dawn l-allegazzjonijiet.

Matul l-attività, Abela qal li l-elezzjoni li jmiss hija “għażla sempliċi fuq il-kompetenza – xejn aktar u xejn inqas”.

Huwa għamel ukoll appell dirett liż-żgħażagħ diżillużi biex jisimgħu l-proposti tal-gvern qabel jiddeċiedu li ma jivvutawx.

L-attività kienet indirizzata wkoll mill-kandidati Laburisti Olaf McKay, Jesmond Bonello u Abigail Camilleri, li appellaw lin-nies, b’mod partikolari liż-żgħażagħ, biex jivvutaw għall-Partit Laburista fit-30 ta’ Mejju.

More in Elezzjoni 2026