George Vital Zammit, ta’ 46 sena u lettur fl-Universita' ta' Malta, se jkun qed jikkontesta fuq is-6 u t-12-il distrett.
Vital Zammit kien ġie appuntat mill-eks Kap tal-PN Bernard Grech biex jibda jfassal il-manifest elettorali tal-partit ftit wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2024. Huwa baqa’ jokkupa dan ir-rwol ukoll wara li Alex Borg sar Kap tal-partit.
L-Eżekuttiv tal-PN approva wkoll erba’ kandidati oħra ġodda waqt laqgħa li saret fil-każin tal-partit f’Birkirkara nhar l-Erbgħa filgħaxija.
Fosthom hemm Joseph Aquilina, negozjant ta’ 54 sena u kunsillier lokali tas-Sliema, li se jikkontesta fuq l-10 distrett.
Ġiet approvata wkoll in-nomina tal-avukat David Bonello, ta’ 39 sena, eks ġurnalist u kunsillier lokali fin-Naxxar, li se jikkontesta fuq l-10 u t-12-il distrett.
Il-lista tinkludi wkoll lill-avukata Miriana Calleja Testaferrata de Noto, ta’ 31 sena u eks kandidata għall-elezzjoni Ewropea tal-2024, li se tikkontesta fuq it-3 u l-5 distrett.
Approvata wkoll kienet in-nomina tal-avukat Antonello Cuschieri, ta’ 42 sena u eks kunsillier lokali fil-Ħamrun, li se jikkontesta fuq l-1 distrett.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-proċess ta’ għażla u approvazzjoni tal-kandidati se jkompli fil-ġranet li ġejjin.
Il-Kap tal-PN Alex Borg irringrazzja lill-kandidati talli offrew is-servizz tagħhom lill-partit u lill-pajjiż.