Borg iwiegħed tneħħija ta’ taxxi fuq wirt u donazzjonijiet ta’ proprjeta’ immobbli

Il-Kap tal-PN Alex Borg ħabbar sensiela ta’ eżenzjonijiet fuq trasferimenti ta’ proprjetà u negozji tal-familja waqt attività politika f’Birkirkara

Ritratt: PN
Ritratt: PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar sensiela ta’ miżuri ġodda ta’ tnaqqis fit-taxxi relatati mal-wirt u t-trasferiment ta’ proprjetà, waqt attività politika f’Birkirkara.

Fost il-proposti mħabbra, Borg qal li gvern Nazzjonalista jneħħi kompletament il-ħlas tal-bolla fuq trasferimenti ta’ proprjetà immobbli li jsiru b’titlu ta’ wirt, mingħajr limitu fuq il-valur tal-proprjetà.

Huwa ħabbar ukoll li l-PN se jneħħi t-taxxa u l-bolla fuq it-trasferiment ta’ negozji tal-familja li jgħaddu b’wirt, kemm jekk dawn jinvolvu ishma f’kumpaniji kif ukoll proprjetà immobbli użata għal skopijiet kummerċjali.

Miżura oħra proposta mill-PN hija t-tneħħija tat-taxxa u l-bolla fuq trasferimenti ta’ proprjetà immobbli minn ġenituri għal uliedhom jew neputijiet permezz ta’ donazzjoni. Borg qal li din l-eżenzjoni tkun tapplika għal kull tip ta’ proprjetà immobbli.

 

More in Elezzjoni 2026